Il-komunità Maltija qed tgħaddi minn mument ta’ niket wara l-mewt ta’ Tessie Camilleri, mara li għal ħafna kienet sinonima ma’ qalb kbira, saħħa interjuri u valuri li jibqgħu jgħixu anke wara t-tluq tagħha.
F’messaġġ mimli emozzjoni u rispett, il-Viċi Sindku Josette Busuttil sellmet il-memorja ta’ Tessie b’kliem li laqat il-qlub ta’ bosta, “Lilkom ilkoll li tant ħabbejtu lil Tessie, m’hemmx kliem li jista’ jimla l-vojt kbir li ħalliet warajha mara bħal Tessie.”
Hi żżid, “F’dan il-mument ta’ qsim il-qalb, qed ningħaqdu magħkom fid-dwejjaq tagħkom għat-telfa ta’ persuna li kienet il-kolonna u l-prinċipju f’ħajjitkom. Tessie kienet mara u omm b’qalb tad-deheb u b’valuri li ma jitfarrku qatt. L-imħabba u d-dedikazzjoni li bihom bniet il-familja tagħha se jibqgħu bħala legat ħaj f’kull wieħed u waħda minnkom. Għalkemm il-mard u t-tbatija kienu tqal, hi baqgħet soda u d-dinjità tagħha kienet tispikka sa l-aħħar.”
Josette tkompli, “Jalla l-ħsieb li issa sabet il-mistrieħ ta’ dejjem u li m’għadhiex tbati, iġibilkom ftit paċi f’dan iż-żmien diffiċli. Persuni bħalha ma jmutu qatt; jibqgħu ħajjin f’kull tagħlima u f’kull memorja sabiħa li għandkom f’qalbkom. Kondoljanzi sinċieri lill-familja, qraba u ħbieb. Ninsabu magħkom bit-talb u bil-ħsieb. Strieħ fil-paċi, Tessie.”
Ħafna jiftakru lil Tessie wkoll minn dehra li ħalliet marka speċjali fil-filmat mużikali Dawra Tond tal-kantant Gianluca Cilia, li biha kien ha sehem fil-Junior Eurovision Song Contest tal-2017. Dehra mimlija awtentiċità bħalha stess.
F’dawn il-jiem ta’ niket, il-memorja ta’ Tessie Camilleri tibqa’ ħajja fl-imħabba li tat, fil-valuri li ħalliet, u fil-memorji li se jibqgħu fil-qlub ta’ dawk kollha li kellhom ix-xorti li jkunu jafuha. Gwida.mt tingħaqad fil-kondoljanzi lill-familja u lil dawk kollha li qed iħossu n-nuqqas tagħha.
Facebook / Malta, News, Photos and People