Ftit ilu tkellimna mal-mużiċist Ray Mercieca, wieħed mill-membri tal-ġurija tal-ewwel żewġ staġuni ta’ X Factor Malta. Xtaqna nistaqsuh jekk kienx hemm xi ħsieb li jieħu sehem bħala ġurija din is-sena peress li ismu ma ssemmiex fors il-membri. Ray weġibna hekk!
“Ma kelli ebda diskussjonijiet dwar il-pjanijiet għat-tielet staġun ta’ X Factor Malta jew x’se jkun qed jiġri. Ma kien hemm xejn ċert x’ser jiġri minħabba l-pandemija speċjalment. Infatti kien hemm Got Talent wara t-tieni staġun ta’ X Factor Malta.”
Ray ikkonfermalna li ma ġiex mistoqsi biex ikun ġurija din is-sena. Kieku kellhom jistaqsuh, jgħidilna li ma jafx x’kienet tkun ir-risposta. Kienet tiddependi fuq diversi affarijiet. “Ngħid ukoll li mhix biċċa xogħol sempliċi daqs kemm tidher. Speċjalment iċ-Chair Challenge, imma li niskopri talent ġdid minn dejjem kienet tinteressani, speċjalment meta jkun hemm laqta’ internazzjonali fih.”
Staqsejna lil Ray dwar jekk iħossx in-nuqqas ta’ dan il-programm, wara li kien parti importanti minnu għal sentejn konsekuttivi. “Kien hemm diversi mumenti fejn dħakna! L-ewwel parti tal-ispettaklu, li hu r-room audition, kienet dejjem eċitanti, għax ma kien ikollna ebda idea min ser ikun ħa jidħol fil-kamra. Hemm diversi affarijiet li ma tantx se nħoss in-nuqqas tagħhom, bħan-numru ta’ impenji, affarijiet li kienu jinqalgħu malajr malajr, jew meta ma jiġrix kif inkun xtaqt; imma kienet esperjenza mill-aqwa.”
Ray flimkien mal-band tiegħu The Rifffs, għad nerġgħu nisimgħu iktar mużika mingħandhom! Madanakollu, xejn ma jidher fiċ-ċert meta u kif, minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija u kif qed tolqot lill-industrija tal-ispettaklu. Aħna minn hawn nirringrazzjaw lil Ray talli aċċetta li jaqsam magħna dawn il-ħsibijiet, u nixtiequlu aktar suċċessi kemm fil-mużika u kif ukoll f’ħajtu inġenerali! F’isem it-tim ta’ Gwida.mt ngħidulu Prosit u Awguri!