Permezz tal-paġna ta’ Facebook, I am Diego. Sefora Tabone, omm Diego ta’ spiss tqajjem punti importanti u titkellem dwar aspetti varji li jgħaddu minnhom ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu.
Sefora tikteb fit-tul din id-darba imma twassal il-ħsibijiet tagħha bl-aħjar mod possibbli, “Huwa diffiċli ħafna li tifhem minn dak li jgħaddi ġenitur wara li jirċievi l-aħbar li t-tifel jew tifla għandhom l-awtiżmu. B’differenza minn diżabilità oħra, l-awtiżmu isir evidenti biss wara 18-il xahar jew aktar. Meta twelled lit-tarbija tiegħek, tħossok mistrieħa meta t-tobba jikkonfermaw li t-tarbija tiegħek hija b’saħħitha u li kollox mar tajjeb.”
Hi tistqarr li tistenna ħafna jkunu qed jistennew l-ewwel kelma u l-mistoqsijiet kultant bla sens li t-tfal ikunu se jagħmlu. Hi tgħid li kellha kollox pjanat għal binha iżda d-destin ried mod ieħor. Sefora tgħid, “L-affarijiet kollha li aħna immaġinajna li se nagħmlu, inkissru f’biċċiet fil-ġurnata li aħna kellna l-konferma ta’ dak li ttamajna li ma kienx minnu.”
“Mingħajr lanqas biss nafu, Godwin u jien konna mnikkta għat-tifel li konna tlifna. Tant pjanijiet, tant affarijiet li immaġinajna li nagħmlu. Dak li hu normali għal ħaddieħor, għalina rridu niġġieldu bosta ġlidiet,” tistqarr l-omm.
Hi tgħid li meta tkellmu ma’ ġenituri li jinsabu fl-istess pożizzjoni tagħhom irrealizzaw li r-rabja li kellhom kienet nieket. Nieket li r-rutina tal-ħajja ħa tkun differenti… Int trid tadatta għal ħajja ġdida, tidfen il-pjanijiet u l-ħolm kollha li kellek u twelled it-tarbija l-ġdida li issa qed isir taf.”
Sefora, prosit ta’ dawn il-ħsibijiet personali. Ċertament li ħa jgħinu lil tant ommijiet u missirijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili.