Minkejja Li Tul Il-Ġimgħa Li Għaddiet 431 Persuna Resqu Biex Jagħtu D-Demm Għad Hemm Bżonn L-Għajnuna.

Għadu kif tħabbar minn National Blood Transfusion Service Malta, li hemm ħtieġa kbira ta’ demm tat-tip A positive, dan minkejja li tul il-ġimgħa li għaddiet 431 persuna resqu biex jagħtu d-demm.

Minkejja s-sħana li qed tagħmel, il-pubbliku qed jirrispondi għas-sejħa ta’ donazzjonijiet tad-demm, fil-fatt tul il-ġimgħa li għaddiet 431 resqu biex jagħtu d-demm. Naturalment dan l-interess għall-għoti tad-demm hu wieħed verament pożittiv, iżda sfortunatament mhux biżżejjed biex jissodisfa l-ħtieġa attwali għad-demm, partikolarment għat-tip A Positive.

Għaldaqstant, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm waqt li jirringrazzja lil kull min qed jersaq biex jagħti d-demm, jappella lil dawk li jistgħu jagħtu, speċjalment jekk għandhom demm tat-tip A Positive, biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr. Intant l-għoti tad-demm fil-jiem li ġejjin għandu jsir:

fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (7 ijiem fil-ġimgħa) mit-8:00am sas-6:00pm.

fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 22 t’Awwissu ser ikun maġenb il-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. Dakinhar il-ħin disponibbli għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 24 t’Awwissu ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Hemm xi noti importanti għall-pubbliku li wieħed irid iżomm f’moħħu.

dawk li għamlu s-swab test, sew jekk ta’ rutina, sew jekk minħabba safar, huma mitluba biex jistennew sal-waqt li joħroġ riżultat COVID-19 Negative.

min jagħti d-demm irid iħalli 7 ijiem jgħaddu qabel jersaq biex jieħu t-tilqima Covid-19.

Min jieħu t-tilqima tal-Covid-19 irid iħalli 48 siegħa qabel jersaq biex jagħti d-demm. Min ikollu deni, jew sintomi t’influwenza, irid iħalli 7 ijiem.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI