Aħbar pożittiva għas-sidien kollha tal-annimali f’Malta: mis-26 ta’ dan ix-xahar se jibda jopera servizz ta’ emerġenza veterinarja bi klinika miftuħa 24 siegħa f’ħinijiet speċifiċi. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, waqt il-programm Bil-Fatti.
Il-Ministru spjega li fil-passat kien hemm diversi każijiet fejn, minkejja li l-kliniki huma obbligati joffru servizz ta’ emerġenza 24 siegħa, dan mhux dejjem kien jingħata kif suppost. Din is-sitwazzjoni wasslet għal inċidenti u diffikultajiet serji għal sidien ta’ annimali domestiċi li kellhom bżonn għajnuna immedjata.
B’din il-bidla l-ġdida, mhux se jkun hemm bżonn aktar li wieħed iċempel u jfittex veterinarju disponibbli. Minflok, se jkun hemm klinika miftuħa b’mod kontinwu:
- Mit-8.00pm sat-8.00am
- Is-Sibt u l-Ħadd
- Fil-festi pubbliċi
Permezz ta’ dan is-servizz, kull min ikollu emerġenza bil-pet tiegħu jista’ jmur direttament fil-klinika u jingħata l-kura meħtieġa dak il-ħin.
Il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha involuti fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ dan is-servizz u qal li din kienet problema kbira li finalment ġiet indirizzata b’mod konkret. Huwa ddeskriva dan bħala “servizz importanti għall-annimali, li għal ħafna familji jitqiesu daqslikieku huma wliedhom.”
Facebook/ Anton Refalo