Puttinu Cares qasmu storja ta’ kuraġġ li tolqot il-qalb, hekk kif Julia rrakkuntat l-esperjenza diffiċli li għaddiet minnha u l-appoġġ li rċeviet matul dan il-vjaġġ.
Julia spjegat kif fl-2022 ġiet skopriet li għandha kundizzjoni rari magħrufa bħala aplastic anemia. F’dak iż-żmien diffiċli, il-familja tagħha sabet appoġġ immedjat minn Puttinu, li kkuntattjawhom direttament hekk kif saru jafu li kien se jkollha tivvjaġġa lejn ir-Renju Unit għall-kura.
Meta wasal il-mument tant mistenni biex tibda t-trattament, kollox kien diġà organizzat minn Puttinu. Huma pprovdew appartament li sar dar temporanja għall-familja għal sitt xhur sħaħ, u offrew mhux biss għajnuna loġistika iżda wkoll sapport emozzjonali kontinwu.
Illum, Julia tinsab ferm aħjar u qed tgħix ħajja normali mill-ġdid. B’rikonoxximent lejn dak kollu li għaddew minnu, ommha issa tagħti l-ħin tagħha bħala voluntiera fil-ħanut tal-karità ta’ Puttinu, xi ħaġa li tħobb tagħmel b’passjoni kbira.
Fil-messaġġ tagħha, Julia enfasizzat kif Puttinu baqgħu ta’ appoġġ sod għall-familja tagħha u għal ħafna oħrajn li jgħaddu minn sitwazzjonijiet simili. F’dan iż-żmien ta’ riflessjoni, hija appellat lill-pubbliku biex jaħseb f’Puttinu u jkompli jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawk fil-bżonn.
Facebook / Puttinu Cares