“Tnax-il sena ilu, Rose Vella għaddiet minn waħda mill-aktar esperjenzi iebsa fil-ħajja – it-telfa ta’ żewġha Karl, li miet ta’ 37 sena. Telfa li ħalliet vojt kbir… iżda wkoll xprunat fiha forza li bidlet id-dwejjaq f’għajnuna għal oħrajn,” kitbet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia.
Żiedet tgħid li flimkien ma’ Claire, Rose waqqfet il-Karl Vella Foundation (KVF) – fondazzjoni li llum saret pilastru ta’ sapport għal ħafna familji Maltin. Matul is-snin, din il-fondazzjoni baqgħet tagħti spalla psikoloġika lil mijiet ta’ pazjenti, familji u tfal li qed jaffaċċjaw mard serju jew it-telfa ta’ xi ħadd għażiż. Permezz ta’ inizjattivi u servizzi ta’ appoġġ, il-KVF toffri mhux biss għajnuna professjonali, iżda wkoll tama f’mumenti ta’ dlam.
Il-Ministru, Julia Farrugia, faħħret dan ix-xogħol billi enfasizzat kif il-fondazzjoni hija “legat imżewweġ mal-volontarjat li qed jagħmel ħafna ġid”. Storja li tfakkarna kif anke minn uġigħ profond jista’ jitwieled xi ħaġa li jixħet id-dawl. Il-Karl Vella Foundation tibqa’ xhieda ċara li l-imħabba u l-ġenerożità jistgħu jkomplu jgħixu… anke wara telfa kbira.
Facebook/ Julia Farrugia