Il-paġna Malta Weather ħabbret li arja kiesħa immens ser tkun qed tidħol fil-Mediterran Ċentrali minn għada t-Tlieta, 31 ta’ Marzu, u tibqa’ taffettwa’ l-gżejjer Maltin sal-Ġimgħa l-Kbira filgħodu.
Din is-sitwazzjoni meteoroloġika ser twassal għall-formazzjoni ta’ pressjoni baxxa li ġġib magħha kundizzjonijiet instabbli u riħ qawwi ħafna mill-Majjistral, li jista’ jilħaq Forza 7.
“Din ser tohloq pressjoni baxxa li se twassal għal riħ qawwi ħafna mill-Majjistral Forza 7 flimkien ma’ ħalbiet tax-xita iżolati li jistgħu jkunu bir-ragħad u bis-silg irqiq u naturalment baħar imqalleb fil-kosti esposti. Ironikament, l-iktar temp kiesaħ ta’ din is-sena huwa mbassar għall-Erbgħa u l-Ħamis… tista’ tinħass kiesħa ħafna bil-lejl daqs -1°C meta wieħed iqis ir-riħ, il-possibiltà tax-xita/silg irqiq u l-oriġini polari tal-arja u kesha barra minn żmiena.”
Minkejja dawn il-kundizzjonijiet, hemm ukoll aħbar tajba: it-temp mistenni jitjieb mill-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija ’l quddiem, b’kundizzjonijiet aktar kwieti u stabbli.
Dan ifisser li l-attivitajiet u l-purċissjonijiet tal-Għid 2026 x’aktarx ikunu jistgħu jsiru b’mod normali.