Tard ilbieraħ filgħaxija, wara l-appell li sar mill-entitajiet konċernati ġiet ikkonfermata l-aħbar li fekruna tal-baħar għamlet il-bejta tagħha fil-Bajja tal-Mixquqa magħruf aħjar bl-isem Ingliż tagħha Golden Bay.
Din hi t-tieni bejta f’pajjiżna dan is-sajf, hekk kif hemm bejta oħra fir-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex. Jidher li biex instabet din il-bejta kien hemm ħidma minn grupp ta’ nies, fosthom il-voluntiera tas-salvataġġ tan-natura; Ben u Georgia Xuereb flimkien ma’ Yasmin Galea Souchet it-tlitt itfal li għenun sabiex tinstab din il-bejta; l-Aquamarine Water Sports li ħallew lin-Nature Trust jaraw il-filmati tas-CCTV u wkoll il-Lukanda Radisson u l-Park Tal-Majjistral.
Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza għandha tinħareġ mill-ERA biex tassigura aktar protezzjoni diretta lil din il-bejta. Dan għaliex din l-ispeċi hija klassifikata bħala mhedda globalment miż-Żona ta’ Konservazzjoni Dinjija (IUCN) u hija wkoll protetta minn diversi leġislazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.