Il-13-il edizzjoni tal-programm popolari HazZzard waslet fi tmiemha b’mod emozzjonanti u mimli tensjoni, hekk kif Natasha ġiet inkurunata bħala r-rebbieħa ta’ din is-sena wara finali li żammet lit-telespettaturi mwaħħlin mal-iskrin sal-aħħar mument.
Fl-aħħar parti tal-programm, kien hemm sfida kruċjali li ddeċidiet min kellu jkompli fil-kompetizzjoni. It-tensjoni kienet kbira hekk kif it-Tewmin, Rebecca u Shaun, ġew eliminati fl-aħħar sfida, biex fil-logħba baqgħu biss Natasha, Blake u Darren. It-tlieta li huma rnexxielhom jirbħu din l-isfida bħala grupp, u b’hekk għaddew għall-fażi li jmiss.
Madankollu, il-kompetizzjoni kompliet hekk kif mill-grupp ta’ tlieta ġie eliminat Darren, li kellu l-inqas punti. Dan wassal biex il-finali tant mistennija spiċċat bejn Blake u Natasha, żewġ kontestanti li wrew determinazzjoni, strateġija u kuraġġ tul l-edizzjoni kollha.
Il-mument deċiżiv wasal meta Natasha rnexxielha ssib iċ-ċavetta rebbieħa, pass kruċjali li assiguralha r-rebħa finali u t-titlu ta’ rebbieħa tat-13-il edizzjoni ta’ HazZzard. B’din ir-rebħa, Natasha mhux biss rebħet il-kompetizzjoni, iżda wkoll l-apprezzament ta’ bosta telespettaturi li segwew il-vjaġġ tagħha tul il-programm.
Edizzjoni li se tibqa’ mfakkra għall-isfidi intensi tagħha, it-tidwir mhux mistenni u finali li verament kienet denja ta’ programm tant segwit mill-pubbliku Malti.
Facebook / HazZzard