Nedukaw Lill-Kbar, Nispiraw Liż-Żgħar: Ngħarrfu Lil Malta Dwar In-Naħla Tal-Għasel Unika Tagħha

Katerina mascot during a public activity.

Il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija ma tiddependix biss fuq sforzi diretti tal-Fondazzjoni lejn aktar tkattir tagħha. Iżda wkoll fuq kemm twassal il-messaġġ tagħha b’mod effettiv, filwaqt li tkun t’ispirazzjoni għall-pubbliku. Il-protezzjoni ta’ din is-sottospeċi endemika teħtieġ fuq kollox parteċipazzjoni mis-saffi kollha tas-soċjetà. Fil-limitatazzjonijiet tagħha, il-Fondazzjoni qed taħdem bla heda biex tilħaq dawn l-udjenzi varjati permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u daqxejn kreattività wkoll.

Waħda mill-inizjattivi ewlenin u reċenti tal-Fondazzjoni hija l-kors “Introduzzjoni fit-Trobbija u l-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija”, imniedi f’Novembru 2025. Dan il-programm jikkonsisti f’10 lezzjonijiet mogħtija fuq 20 siegħa, li jħalltu għarfien teoretiku ma’ esperjenza prattika. Il-kors huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta, u mhux biss jiffoka fuq il-ħiliet tradizzjonali tat-trobbija tan-naħal iżda wkoll fuq l-importanza tal-konservazzjoni tan-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri).



Biex jiġi żgurat ambjent ta’ tagħlim intimu u interattiv, kull grupp huwa limitat għal massimu ta’ 20 parteċipant. L-ewwel edizzjoni intemmet b’suċċess f’Diċembru li għadda, it-tieni edizzjoni ser tintemm iktar tard dan ix-xahar, bit-tielet waħda skedata għal Marzu-April. Il-programm jinkludi wkoll żewġ żjarat gwidati f’miġbħa, li jagħtu opportunità lill-parteċipanti jaraw it-teorija fl-azzjoni u jiksbu esperjenza prattika man-naħal tal-għasel. Għall-dawk interessati fadal biss ftit postijiet għall-kors li jmiss!



Il-Fondazzjoni tirrikonoxxi li l-konservazzjoni trid tispira wkoll lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. Għaldaqstant qiegħda tiżviluppa għodod kreattivi biex tasal għand udjenzi iżgħar. U x’jista’ jkun aktar attraenti minn maskot simpatiku tan-Naħla Maltija; ‘Katerina’!

Permezz ta’ proġett sottomess b’suċċess b’fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju appoġġjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, ġew produċuti tlett kanzunetti oriġinali bil-Malti. Il-kanzunetti issa qegħdin jiġu wkoll tradotti bl-Ingliż biex il-messaġġ jasal ukoll għand udjenzi internazzjonali. Kull kanzunetta għandha tema separata: waħda tintroduċu lit-tfal għal ‘Katerina in-Naħla Maltija’, l-oħra tenfasizza l-importanza tad-dakkara u l-aħħar waħda tiċċelebra l-flora u l-fawna nazzjonali ta’ Malta inkluża n-Naħla Maltija bħala l-Insett Nazzjonali.

Imnedija s-sena l-oħra, il-vidjos tal-kanzunetti diġà intwerew iktar minn 6500 darba fuq Youtube u Spotify, u qegħdin jgħinu biex iwasslu l-messaġġ tal-importanza li nieħdu ħsieb in-natura ta’ madwarna lit-tfal b’mod divertenti u memorabbli. Sar ukoll maskot fiżiku ta’ ‘Katerina’ li jintuża waqt attivitajiet pubbliċi biex jinteraġixxi mat-tfal! Fost l-oħrajn, il-Fondazzjoni qed tkompli tespandi l-użu ta’ ‘Katerina’ per eżempju permezz ta’ kartolini, keychains u ppakkeġġjar tal-għasel b’disinn relat ma’ dan il-karattru.

Fil-futur qarib u dak imbiegħed, il-Fondazzjoni qed tippjana li tkompli twassal il-messaġġ tagħha permezz ta’ approċċ b’żewġ azzjonijiet: teduka lill-kbar u tispira liż-żgħar. Għal udjenzi adulti, qed jiġu ppjanati korsijiet edukattivi ġodda, li jkopru firxa usa’ ta’ suġġetti relatati man-Naħla Maltija, it-trobbija tagħha u l-konservazzjoni tal-bijodiversità. Fl-istess ħin, il-Fondazzjoni qed tiżviluppa aktar riżorsi edukattivi bbażati fuq ‘Katerina’ mmirati lejn udjenzi iżgħar, inkluż ktieb ta’ stejjer għat-tfal; proġett li diġà huwa appoġġjat permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarju permezz tal-iskema SIS 2026.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI