Il-personalita lokali Ivan Gaffiero, dalgħodu għamel riflessjoni dwar il-ħajja li ngħixu llum ma’ dik tal-passat. Hu jistqarr, “Ngħid il-verità: il-ħajja tal-lum mhux bħalma kienet meta konna żgħar. Dak iż-żmien konna nifirħu b’ħaġa żgħira. Kont nistenna b’qalbi kollha li nilbes xi ħaġa ġdida, li nieħu biċċa ċikkulata,
jew li naraw it-TV bil-kulur… u dak kien biżżejjed biex inħossni l-iktar bniedem kuntent fid-dinja.”
Hu jkompli, “Nemmen li ma kellna xejn, imma fil-verità kellna kollox: familja, ħbiberija, sempliċità u paċi fil-qalb. Illum ħafna għandhom kollox, imma ftit għandhom il-paċi, ftit għandhom il-ferħ, u ftit jafu x’inhu li tkun tassew kuntent. Forsi l-problema mhix li m’għandniex biżżejjed, imma li tlifna l-ħila li nifirħu b’dak li għandna.”
X’taħseb dwar dan int?
Facebook / Ivan Gaffiero