Nicole Kidman tkellmet dwar l-istress li minnu għaddeja d-dinja tal-films b’riżultat tal-Covid-19 u r-restrizzjonijiet kollha li din ,il-pandemija ġabet magħha.
F’intervista riċenti li tat lis-Sunday Herald u The Sunday Age, Kidman tkellmet dwar kemm saret diffiċli tieħu sehem fi ġbid ta’ film filwaqt li trid tirrispetta l-protokolli kollha tas-saħħa biex ma tkomplix tinxtered il-pandemija.
”L-ammont ta’ stress huwa wieħed qawwi” stqarret l-attriċi. ”Trid tara li kulħadd liebes il-maskra; ittestjar kontinwu tal-krew u l-atturi kollha; jekk xi ħadd jħoss ftit uġiegħ fi griżmejh, anke jekk ir-riżultat tal-iswab ikun fin-negattiv, trid tbiddel l-iskedar kollu tal-iffilmjar, jekk mhux saħansitra nwaqqfu l-iffilmjar kompletament. Ma tista’ tpoġġi lil ħadd f’riskju u s’issa ma kellna ebda każ pożittiv fit-tim tagħna,” kompliet tgħid b’riferenza għas-serje l-ġdida tagħha Nine Perfect Strangers.
Kidman, li għandha 54 sena, stqarret ukoll illi kieku t-tim tal-produzzjoni kien jaf għal liema uġiegħ ta’ ras enormi kien dieħel kieku żgur li kienu jwaqqfu kollox mill-bidu nett. ”Meta tqis il-flus kollha li jintnefqu fi proġett bħal dan u li minn mument għall-ieħor kollox jista’ jisfaxxa fix-xejn u jkollna nwaqqfu ħesrem l-iffilmjar, żgur ma konnhiex nidħlu għal dar-riskju”, temme tgħid filwaqt li qabblet l-esperjenza mar-russian roulette.
L-istilla ta’ Hollywood, hija wkoll il-produttur eżekuttiv tas-serje l-ġdida għal Amazon. L-iffilmjar tas-serje qed isir fl-Awstralja taħt sorveljanza stretta mill-awtoritajiet ikkonċernati. Is-serje l-ġdida bdiet tixxandar fuq Amazon Prime fit-18 t’Awwissu.