Bħal dejjem il-paġna The People of Malta qasmet messaġġ sempliċi iżda mimli għerf dwar il-ħajja ta’ kuljum.
Miriam titkellem dwar stil ta’ ħajja aktar kalm u bilanċjat. “Nippreferi ktieb minn kompjuter!” tgħid, waqt li tispjega kif meta jkollha appuntament tieħu gost tasal ftit qabel biex issib ħin taqra ktieb, tieħu belgħa te u tirrilassa.
Din l-attitudni turi kemm il-qari għadu mezz importanti ta’ mistrieħ u riflessjoni, anke f’dinja dejjem aktar mgħaġġla.
Il-messaġġ jiffoka wkoll fuq l-importanza tal-bilanċ fil-ħajja: “Għal kollox hemm ħin,” tgħid, filwaqt li tisħaq li bejn ix-xogħol, il-faċendi tad-dar u anke ftit televiżjoni waqt it-tisjir, wieħed xorta jista’ jsib ħin għalih.
Fl-istess ħin, tqajjem riflessjoni dwar ir-realtà tal-lum fejn anke tfal żgħar qed jikbru bil-mowbajl f’idejhom.
“Illum tara tfal ta’ 3 snin bil-mowbajl f’idejhom. Probabbli għax jaraw l-adulti u bħalma jaraw jagħmlu!,” tgħid Miriam.
Erba’ kelmiet li fihom x’tifhem!