F’intervista waqt il-programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa dwar l-ewtanasja niltaqgħu ma’ Raisa Falzon fejn taqsam esperjenza li biddlitilha ħajjitha. Din kellha biss ħmistax-il sena meta ssoffri puplesija qawwija li twassalha biex taqa’ f’koma.
“ Ilu kważi tmien snin. Kont qomt normali, ma kelli xejn jien. Imbagħad kont muġugħa f’nofs ġismi, saqajja, idejja u bdiet tuġagħni ħafna rasi wkoll. Mort fuq il-pa u għedtlu li ma niflaħiex rasi.”
Missierha baqa’ sejjer biha l-isptar u għamlulha CT scan fejn irriżulta li ma hemm xejn ħażin ħlief qatgħa żgħira fil-vina. Ftit sekondi wara terġa’ tħoss uġigħ kbir f’rasha tintilef minn sensiha u taqa’ f’koma għal 9 xhur sħaħ. Tqatta’ xagħrejn sħaħ fl-ITU tissielet għal ħajjitha. Skoprew li kienet tatha puplesija qawwija. Fil-bidu Raisa ma kienet tiftakar xejn iżda lejn l-aħħar ftit xhur moħħha beda jaħdem kif ukoll widnejha filwaqt li ġisimha u ħalqha baqgħu ma jaħdmux.
“Niftakar lil sħabi jgħidu ħa jitilgħu party u jixtru l-biljetti kollha f’daqqa u jiena bejni u bejn ruħi għedt kemm nixtieq immur. Jien ħa nqum minn hawn u ħa mmur magħhom. Dakinhar inqum mill-koma.”
Wara din l-esperjenza qarsa Raisa tistqarr li xorta waħda l-ħajja wara li qamet ġiet ħafna isbaħ milli kienet. Dan ma kienx dejjem faċli għaliex fil-bidu kienet taħt xokk u kienet qed tissielet mal-fatt li ħajjitha nbidlet ta’ taħt fuq. Raisa tgħid li f’dawn il-mumenti iebsa bla dubju kienet tkun pronta taħtaf lil xi ħadd kieku offrielha ewtanażja.
Għalkemm din it-tfajla tinsab limitata f’bosta affarijiet xorta waħda tara l-ħajja b’mod pożittiv. Allavolja hija tinsab f’siġġu tar-roti xorta waħda hija kapaċi daqs kulħadd.
“Nirringrazzja lill-bambin li ma kellix l-għażla għax dakinhar żgur kont ngħid iva għall-ewtanażja.”
Facebook / L-Erbgħa Fost Il-Ġimgħa