‘Mewta Siekta’ kien id-dokument li ntwera lbieraħ fuq TVM. Xogħol impekabbli tal-ġurnalist Liam Carter u l-ħaddiema kollha ta’ Television Malta. Aħna li rajna dan id-dokument inqisuh qisu time-machine li jġiegħlek tħoss l-emozzjonijiet li kienu jħossu l-ħaddiema tat-tarzna.
Kien hemm bosta stejjer li jdawrulek għajnejk bi dmugħ, fost dawn kien hemm wieħed Chris. Chris kien jaħdem it-tarzna u jistqarr li ħlief ġid ma rax mill-familja li kellu hemm. “Kelli aċċident hemmhekk, kont qiegħed naħdem ġo tank abbord, …waqajt 7 sulari, spiċċajt għamilt sena l-isptar u ksirt is-sinsla ta’ dahri” qal Chris Bartolo. Chris jgħid li kellu ħafna tbatija u uġigħ speċjalment l-uġigħ tal-qalb.
Dokumentarju li jikxef it-tbatijiet li kienu jgħaddu minnha l-ħaddiema tat-tarzna.
It-tarznara wkoll tkellmu fuq l-asbestos u kemm-il persuna tilfu bil-kanċer minħabba dan il-materjal qerriedi. Materjal misħut u kien jintuża kullimkien, dak iż-żmien ma tantx kien hawn għarfien fuq dan il-materjal.
Liam Carter jiddedika dan il-dokumentarju lill-ħaddiema kollha li kienu jaħdmu t-tarzna, “Nittama li għamilt ġieħ lil ħafna tarznari b’mod speċjali lin-nannu Johnny”.
Xogħol tal-għaġeb li ħaqqu kull tifħir!