Ilbieraħ fuq il-paġna tagħhom, l-Unjoni ta’ Edukataturi Professjonali magħrufa aħjar bħala l-UPE kompliet tikkonferma aktar każijiet li sfortunatament ħarġu minn skejjel lokali. Ovvjament, wara kull każ pożittiv qed jittieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex jassiguraw is-saħħa tal-istudenti u l-għalliema.
Il-UPE aġġornat il-pożizzjoni tagħha dwar il-każijiet li nstabu fi skola f’San Ġwann, eżattament fl-iskola Chiswick fejn jidher li student tat-tieni sena instab pożittiv għall-Covid-19. Qabel l-istess unjoni qalu li kien hemm żewġ każijiet attivi, kif proprju ġie rrappurtat HAWN.
L-UPE qalet li rċeviet notifika oħra ta’ allegat membru pożittiv fl-Iskola Sacred Heart. Huma ġew infurmati wkoll li apparentement 3 membri oħra tal-istaff intalbu jagħmlu kwarantina dan sabiex jassiguraw is-saħħa tal-istudenti.
Huma ġew infurmati dwar każ ieħor ta’ Covid-19, din id-darba fil-komunità tal-Iskola Our Lady Immaculate School, il-Ħamrun. L-Unjoni ħadet l-opportunità tawgura lil dan il-membru tal-istaff fejqan ta’ malajr.
Huma qalu wkoll li tifel fl-Iskola ta’ San Benild ittestja pożittiv għall-Covid-19. It-tifel ġie rrappurtat li ħa l-virus minn barra l-iskola. L-unjoni ġiet infurmata li ttieħdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni u li ġew segwiti l-istruzzjonijiet kollha mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
L-aħħar każ li ġie rrappurtat fuq il-paġna tagħhom, kien ta’ każ pożittiv fi skola statali. Huma qalu li ġew infurmati li allegatament membru minn Attard Klabb 3-16 ikkuntratta l-virus u li l-iskola ħadet il-passi kollha meħtieġa li rrakkomandaw l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Aħna nawguraw fejqan ta’ malajr lil kulħadd u nittamaw li kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid u ma jdumux ma jirritornaw lura l-iskola!
Facebook / Chiswick House School & St Martin’s College – Malta