Omm Li Qed Tistenna Tarbija Nkwetata Għax Ir-Raġel Tagħha Jaħdem F'Post Li Nstabet Persuna Pożittiva

Mhux sitwazzjoni faċli għal ħadd, il-virus jinsab magħna u issa li l-każijiet żdiedu u żdiedu sew… wieħed irrid ikun aktar attent! Attent kullimkien. Magħna ta’ Gwida.mt, fl-aħħar sigħat għamlet kuntatt magħna omm imħassba.

L-omm esprimiet is-sogħba tagħha minħabba l-fatt li hi qed tistenna tarbija u fuq il-post tax-xogħol tar-raġel tagħha nstab persuna pożittiva għall-Covid-19. Fl-istess dar tgħix persuna li għadha kif għamlet operazzjoni maġġuri barra minn xtutna u b’hekk hi kkonsidrata bħala vulnerabbli.

Din l-omm tgħidilna li r-raġel tagħha jrid jidħol għax-xogħol bilfors u ma jafx jekk kellux kuntatt mal-persuna jew inkella ma’ persuni li kellhom kuntatt mal-persuna infettata għax l-informazzjoni ma ngħatatx.

L-omm tgħidilna li hi diġà qed tagħmel sagrifiċċji kbar li saħansitra mhux toħroġ mid-dar minħabba l-fatt li hi t-tqila u trid tipproteġi l-familja tagħha bl-aħjar mod possibbli. L-omm tistqarr li fuq il-post tar-raġel tagħha sar it-tindif neċċessarju iżda tħoss li setgħet ingħatat aktar informazzjoni.

Is-saħħa tal-bniedem għadha dejjem tiġi l-ewwel u fuq kollox. Wieħed għandu dejjem ikun informat dwar l-affarijiet li qed jiġru madwaru u li jistgħu jħallu impatt fuq ħajtu u l-ħajja ta’ dawk li jgħix magħhom.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI