Il-kantawtriċi magħrufa Corazon Mizzi qed tiċċelebra għeluq sninha, u b’hekk aħna ddeċidejna li nfakkru mhux biss għeluq sninha, iżda wkoll il-vjaġġ artistiku mimli emozzjonijiet, sinifikat u impenn lejn il-lingwa u l-kultura Maltija.
Corazon hija magħrufa l-aktar għall-kanzunetti tagħha bil-Malti, kanzunetti li huma narrattivi. Il-mużika tagħha spiss tirrakkonta stejjer li jolqtu l-qalb, jew jittrattaw temi soċjali li ħafna jistgħu jirrelataw magħhom b’xi mod jew ieħor: minn esperjenzi ta’ tfulija, għal mumenti ta’ mħabba, telf, sfidi personali, u riflessjonijiet dwar il-ħajja ta’ kuljum.
Il-ħila tagħha li tgħaqqad il-poeżija mal-mużika, flimkien mal-fatt li tikteb u tkanta bil-lingwa tagħna, jagħmluha figura distintiva u rispettata fis-sfera mużikali lokali. Il-kanzunetti tagħha bħal Hawn Jien u X’Se Jsir huma eżempji ċari ta’ kif l-arti tista’ tkun mezz ta’ riflessjoni u għarfien kollettiv.
F’għeluq sninha, ħafna minn dawk li jsegwuha esprimew gratitudni għal dak li tagħti lill-pubbliku. Awguri Corazon – għal aktar snin ta’ ispirazzjoni, mużika, u saħħa.