Kmusic Events se tkun qed iġġib għal-ewwel darba f’Malta lill-band leġġendarju Taljan Pooh, li se jkunu qed jagħmlu żjara storika bħala parti mit-tour tagħhom “La Nostra Storia” biex jiċċelebraw is-60 anniversarju mit-twaqqif tagħhom. Dan kollu se jseħħ waqt il-festival Rock for Hope 2026, li se jsir fit-12 ta’ Settembru ġewwa MFCC Ta’ Qali, b’risq Inspire Foundation.
Il-band Pooh ilha sinonima ma’ wirt mużikali rikk li jkopri sitt deċennji, b’għadd ta’ suċċessi li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Kanżunetti bħal “Tanta Voglia di Lei”, “Pensiero” u oħrajn baqgħu popolari sal-lum, u għadhom iqanqlu emozzjonijiet qawwija fost il-partitarji tagħhom. Dan il-kunċert se jkun opportunità rari biex wieħed jisma’ lil din il-band live għall-ewwel darba f’Malta, f’ambjent intimu u uniku.

It-tour “La Nostra Storia” jservi bħala ġieħ għall-karriera twila tal-band – vjaġġ mimli passjoni, dedikazzjoni u innovazzjoni li żamm lil Pooh relevanti tul is-snin kollha. Il-produzzjoni mistennija tkun ta’ livell għoli ħafna, b’elementi viżivi u awdjo li jkomplu jtejbu l-esperjenza tal-udjenza.
Għal ħafna nies, il-mużika ta’ Pooh hija marbuta ma’ memorji personali, miż-żgħożija sa mumenti speċjali li jibqgħu mnaqqxa fil-qalb. Għalhekk, dan l-avveniment mistenni jiġbed attendenza kbira u jkun wieħed tassew memorabbli.
Il-festival qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta, Rock’N Malta, Arts Council Malta u Visit Malta fost oħrajn.
Għal aktar dettalji wieħed jista’ jżur is-sit eventworks.mt.
Facebook / Pooh