Ilbieraħ fi Spazju Kreattiv kellna ċ-ċans, aħna ta’ Gwida, nassistu għall-produzzjoni Press Mute, xogħol teatrali ta’ Udjenza li verament iħallik tirrifletti fuq l-impatt tal-midja u l-mezzi soċjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Din hija produzzjoni li ddur madwar il-verità, il-gideb, it-teknoloġija mgħaġġla u l-kaos li jinħoloq bejniethom. L-istorja ssegwi żewġ ġurnalisti li għajjew jippruvaw jikxfu skandlu, podcaster kariżmatiku, Ministru u anke algoritmu tal-mezzi soċjali li jafna aħjar milli nafu lilna nfusna. F’dinja fejn il-fatti jikkompetu mas-sentimenti u l-investigazzjonijiet jintilfu fost l-istorbju tal-“influencers”, l-akbar sfida ssir li ġġiegħel lin-nies jimpurtahom minn dak li hu veru.
Il-kitba hija intelliġenti, b’djalogu ħaj li jżommok attent, iżda fl-istess ħin iqanqal mistoqsijiet serji dwar min nistgħu nafdaw biex jgħidilna l-verità. Il-produzzjoni tista’ tgħid li tħassar il-linja bejn realtà u wirja teatrali, u saħansitra tistieden lill-udjenza tipparteċipa.
Il-prestazzjonijiet ta’ Mark Laurence Zammit, Michela Farrugia, Philip Leone Ganado, Davide Tucci u Trudy Kerr huma ta’ livell għoli ħafna – enerġetiċi, konvinċenti u perfettament sinkronizzati mar-ritmu mgħaġġel ta’ din il-produzzjoni.
Il-produzzjoni hija miktuba u diretta minn Herman Grech, li b’viżjoni ċara u kuraġġuża wassal xogħol li jolqot il-preżent b’mod dirett. Il-produttur kreattiv Toni Attard iżid saff ieħor ta’ koerenza u direzzjoni artistika soda. Il-viżwal ta’ Dylan Odom jagħti dimensjoni moderna u teknoloġika lill-ispettaklu, filwaqt li s-sett ta’ Aldo Moretti joħloq ambjent dinamiku li jsaħħaħ it-temi tal-istorbju medjatiku u l-pressjoni kostanti tal-aħbarijiet.
Ta’ min isemmi wkoll li l-produzzjoni hija megħjuna mill-Arts Council Malta, sostenn li jkompli jsaħħaħ produzzjonijiet teatrali ta’ livell għoli fix-xena kulturali Maltija.
Press Mute mhijiex biss divertiment – hija esperjenza li tibqa’ miegħek anke wara li jinżel is-siparju.
Facebook / Spazju Kreattiv