“F’daqqa waħda ħassejna d-dinja taqa’ fuqna.” Hekk bdiet l-istorja emozzjonanti ta’ Kristen Aquilina Delmar, tfajla ta’ 24 sena li ħames snin ilu, meta kellha biss 18-il sena, irċeviet l-aħbar li kellha tumur rari.
Kristen tiftakar sew dik il-ġurnata li bidlitilha ħajjitha kompletament. L-aħbar kienet xokk kbir għaliha u għall-familja tagħha, iżda minkejja d-diffikultajiet, sabu dawl ta’ tama grazzi għall-għaqda Puttinu Cares.
Hija spjegat kif l-għajnuna ta’ Puttinu kienet immedjata u bla kundizzjonijiet. “Tawna ċ-ċwievet mingħajr l-ebda mistoqsijiet,” qalet Kristen, filwaqt li rrakkontat kif minn hemmhekk sabet mhux biss appoġġ, iżda familja ġdida.
Matul il-vjaġġ mediku tagħha, Kristen kellha bżonn titla’ darbtejn fl-appartamenti ta’ Puttinu f’Sutton, fejn għaddiet xahrejn kull darba sabiex isirilha diversi operazzjonijiet. Dawn il-perjodi kienu mimlija sfidi, iżda wkoll solidarjetà u kura.
Fortunatament, l-operazzjonijiet li kellha bżonn irnexxew. Wara din l-esperjenza diffiċli, Kristen ma qatgħetx qalbha. Bil-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħha, kompliet bl-istudji tagħha u, erba’ xhur ilu biss, irnexxielha tilħaq ħolma kbira – gradwat bħala infermiera.
Hi tgħid li dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ Puttinu u tas-sapport kontinwu tal-pubbliku li jagħti donazzjonijiet lill-għaqda.
“Dan grazzi għal Puttinu Cares u bis-saħħa tagħkom li tagħtu s-sapport,” qalet b’gratitudni kbira. Illum, Kristen tħares lura lejn dak il-vjaġġ b’sens ta’ rikonoxxenza u emozzjoni. Għaliha, Puttinu mhijiex biss għaqda, iżda familja li tibqa’ magħha għal dejjem. “Puttinu għalija huma familja u nibqa’ nirringrazzjahom għal dejjem,” temmet tgħid.
Facebook / Puttinu Cares