Qatt Immaġinajtek Tara Films Barranin B'Sottotitoli Maltin? X'Taħseb Dwar Din L-Idea?

Student universitarju Malti li bħalissa qed isegwi grad ta’ M.A. fit-Traduzzjoni, ħejja riċerka għat-teżi tiegħu li qajmet interess kbir fost il-pubbliku. 

Parti mit-teżi tiegħu fil-fatt hi dwar l-idea li jkun hemm għażla ta’ sottotitoli bil-Malti anke meta tara film barrani, ngħidu aħna fuq Netflix. Nigel tkellem ma’ Gwida.mt u saħaq li “is-sottotitoli għandhom ħafna benefiċċji.” L-istudent iħoss li għandu jkun hawn aktar għarfien dwar dan.

Spjegalna li s’issa kien hemm rispons qawwi mill-pubbliku dwar din l-idea – kull ma jonqos li jikkunsidraw dan l-awtoritajiet ikkonċernati. “F’pajjiżi oħra s-sottotitoli huma komuni ħafna, fejn bil-liġi l-mezzi tax-xandir iridu jipprovdu perċentwal ta’ kontenut li jkun sottotitolat, u skont linji gwida uniformi u nazzjonali.”

“Speċjalment meta tqies li hawn Malta hawn numru ta’ persuni neqsin mis-smigħ, mhuwiex ġust li dawn ma jkunux jistgħu jgawdu materjal awdjoviżiv bħal ħaddieħor. Dawn is-sottotitoli li qed naħdem fuqhom għandhom l-għan li jkunu inklużivi u aċċessibli għal kulħadd, anke permezz ta’ captions apposta. Apparti minn hekk, kien hemm ħafna li talbuni x’jisimha s-serje li użajt fil-kwestjonarju, u qaluli li għalkemm ma jafux it-taljan, kieku bis-sottotitoli jkunu jistgħu jsegwuha!”

Jagħlaq billi jsostni li “Hekk qegħdin anke inressqu materjal ġdid lokalment, fil-waqt li fl-istess ħin inkunu qed ngħożżu l-lingwa Maltija, kif inhu xieraq! Ħafna oħrajn ukoll esprimew sodisfazzjon għax jemmnu li s-sottotitoli jistgħu jintużaw biex intejjbu l-livell tal-Malti, mit-tfal sal-kbar, kemm Maltin u kif ukoll barranin.”

Jekk jogħġbok għin lil dan l-istudenti f’din ir-riċerka interessanti u imla l-kwestjonarju li ħejja billi tagħfas HAWN. F’dan il-kwestjonarju inti tista’ tara bosta filmati b’sottotitoli Maltin u tesperjenza din l-idea brillanti. Minn qalbna nawguraw suċċessi kbar lil dan l-istudent inteliġenti u bravissimu! Kellu bżonn il-messaġġ tiegħu jasal!







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI