Min jaf kemm-il darba tlajna Għawdex tul ħajjitna. Imma qatt sibna l-ħin inżuru d-dar ta’ Karmni Grima?
Din hija l-istedina li qed tagħmlilna l-preżentatriċi u kantanta Josephine Ebejer Grech. Il-preżentatriċi tkompli tgħidilna li din id-dar nsibuha fit-triq aħna u serjin lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.
”L-ewwel tilqgħek mara ħelwa u ddaħħlek ġo sala żgħira fejn tpoġġi bilqiegħda u tara dokumentarju interessanti ħafna dwar l-istorja tal-familja u l-ħajja ta’ Karmni Grima. Dan il-filmat hu maħdum b’mod professjonali minn CVC Productions. Wara tingħata apparat biex tibda ddur kamra, kamra u skont il-kamra li tkun fiha tibqa’ tisma’ l-ispjegazzjoni dwar kull ħaġa li tkun qed tara,” tispjega Josephine Ebejer Grech.
Għal dawk li jippreferu jużaw il-GPS jew Google Maps biex jaslu mingħajr problema ta’ xejn, dan huwa l-indirizz tad-dar: 2, Triq l-Għarb, L-Għarb.
Karmni Grima kienet meqjusa mara li għexet fil-qdusija bejn l-1838 u l-1922 u kkunsidrata minn bosta bħala waħda mill-qaddeja tal-Madonna ta’ Pinu. Tant hu hekk li fil-pjazza li sservi ta’ zuntier quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu hemm statwa ddedikata għaliha.
Facebook / Josephine Ebejer Grech