Abigail Borg, mart Sandro Grech, qasmet aġġornament fuq Facebook dwar il-vjaġġ ittardjat ta’ żewġha lejn iċ-Ċina, bit-tir li jirċievi kura li kapaċi ssalvalu ħajtu.
Fil-post tagħha, spjegat li l-kumpanija tal-ambulanza tal-ajru naqset milli ttella’ l-ajruplan minkejja li diġà saru l-pagamenti kollha, u minkejja li l-kumpanija talbet €80,000 addizzjonali waqt li ppruvat iġġegħelha tiffirma kundizzjonijiet li kienu jirrinunzjaw id-drittijiet legali tagħha li titlob lura l-flus żejda.

Abigail issemi l-isforzi kontinwi tal-avukati u l-ħbieb tagħha, Aron Mifsud Bonnici u Roselyn Borg, li qed jaħdmu lejl u nhar flimkien bla waqfien mal-awtoritajiet Maltin, inkluż l-‘Unità tal-Ivvjaġġar Barra minn Malta’ f’Mater Dei, biex jiżguraw ambulanza tal-ajru għal Sandro mill-aktar fis possibbli.
“L-avukati tagħna diġà avżawhom li qed inżommuhom personalment responsabbli għal kull siegħa ta’ dewmien u għal kull riskju li qed jaffaċċja Sandro minħabba t-tattiċi tagħhom. Mhu se naqtgħu qalbna qatt… Kellna ħafna raġunijiet biex naqtgħu qalbna, però bl-imħabba u l-kuraġġ li qed nirċievu qegħdin tassew tgħinuna nibqgħu sejrin. Grazzi minn qalbna.”
Kuraġġ lil Abigail, Sandro u l-familja kollha f’dal-mumenti.
Facebook/ Sandro Grech