Quddiesa Speċjali Għall-Koppji Li Se Jiżżewġu Din Is-Sena

Ilbieraħ, l-Arċisqof Charles Scicluna iċċelebra quddiesa speċjali ddedikata lill-koppji li se jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ matul din is-sena. Għal din l-okkażjoni, attendew diversi koppji li qed iħejju ruħhom għal dan il-pass importanti f’ħajjithom.

Matul l-omelija tiegħu, l-Arċisqof talab fuq il-koppji biex l-imħabba tagħhom tkompli tikber u tissaħħaħ maż-żmien. Huwa ħeġġiġhom biex jibqgħu sodi meta jiltaqgħu mat-tentazzjonijiet u jitgħallmu jieħdu paċenzja b’xulxin fil-mumenti ta’ sfida.

Fost il-pariri li ta, saħaq fuq l-importanza li jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien u li ma jħallux il-mobile jew it-teknoloġija tidħol bejniethom u tfixkel ir-relazzjoni tagħhom. Huwa fakkar ukoll kemm hu importanti li l-affarijiet ikunu ċari bejn il-koppji u l-familji tagħhom, biex tinbena relazzjoni b’saħħitha u bbażata fuq il-fiduċja.



L-Arċisqof Scicluna enfasizza wkoll li l-Mulej għandu jkun parti ċentrali mill-ħajja tal-koppja. Ħeġġiġhom biex jippreparaw ruħhom għal żwieġ Nisrani permezz tas-sagramenti, biex il-quddiesa tal-Ħadd tkun parti mir-rutina tagħhom u biex it-talb ta’ kuljum ikun pedament importanti fil-ħajja miżżewġa tagħhom.



Din il-quddiesa serviet bħala mument ta’ riflessjoni u tħejjija spiritwali għal koppji li qed iħarsu ’l quddiem lejn kapitlu ġdid mimli mħabba, impenn u tama.



Ritratti:

Facebook/ Archdiocese of Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI