Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Sindku Jason Silvio u d-Direttur Artistiku taċ-ċelebrazzjonijiet Joe Julian Farrugia, li saret fil-kappella storika ta’ Sant’Ubeldeska – wieħed mill-postijiet ċentrali tal-attivitajiet.
Tħabbar li se jkunu organizzati ħames avvenimenti ewlenin f’Jannar, Mejju, Ġunju, Awwissu u Novembru, li jinkludu ċelebrazzjonijiet reliġjużi, marċi, serati mużikali u l-inawgurazzjoni ta’ diversi monumenti li jfakkru mumenti u persuni importanti fl-istorja tar-raħal.

Is-Segretarju Parlamentari faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali, u qalet li dawn l-attivitajiet mhux biss qed ifakkru anniversarju storiku, iżda wkoll qed isaħħu l-għarfien dwar l-identità u l-wirt kulturali tar-raħal, filwaqt li joffru spazji ta’ divertiment ta’ kwalità għar-residenti u l-viżitaturi.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Jason Silvio qal li l-għan ewlieni hu li jitwassal tagħrif interessanti dwar l-istorja ta’ Casal Paola u fl-istess ħin jissaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-komunità Pawlista permezz ta’ attivitajiet ta’ livell għoli u professjonali.
