Ramel Mis-Saħara Lejn Malta – Ġejjin Jiem B’Temp Imċajpar

Il-paġna Maltese Islands Weather wissiet li fil-jiem li ġejjin Malta se tidħol f’fażi tipika tar-rebbiegħa, b’kundizzjonijiet ta’ trab mis-Sahara fl-atmosfera.

Skont l-aġġornament tagħhom, minn nhar il-Ħadd 12 ta’ April il-Gżejjer Maltin mistennija jkunu taħt influwenza ta’ riħ mix-Xlokk, magħruf bħala Scirocco, li se jġib miegħu arja sħuna u mimlija trab direttament mid-deżert tas-Saħara.



Dan se jkun ikkawżat minn sistema ta’ pressjoni baxxa li qed tiżviluppa lejn il-majjistral ta’ Malta, filwaqt li pressjoni għolja tibqa’ stabbli fuq l-Afrika ta’ Fuq. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ sistemi se toħloq moviment ta’ arja li jiġbed trab fin Saharjan lejn iċ-ċentru tal-Mediterran, inkluż pajjiżna.



B’riżultat ta’ dan, mill-Ħadd ’il quddiem mistennija kundizzjonijiet ta’ arja mċajpra u “ħamra”, b’ammonti notevoli ta’ trab fl-atmosfera.

Dan it-trab jista’ wkoll jinżel mal-art flimkien ma’ xi xita ħafifa li hija mistennija f’xi jiem matul il-ġimgħa, partikolarment bejn it-Tlieta 14 u l-Ħamis 16 ta’ April.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ ikun konxju ta’ dawn il-kundizzjonijiet, speċjalment dawk li jbatu minn problemi respiratorji, hekk kif it-trab fl-arja jista’ jaffettwa l-kwalità tal-arja fil-gżejjer Maltin.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI