Reġa’ Magħna Iż-Żmien Tant Mistenni Tal-Figolli – Il-Ħelu Tradizzjonali Ta’ Żmien L-Għid. 

F’Malta, diffiċli tgħaddi l-Għid mingħajr ma tara jew idduq il-figolli; dak il-ħelu tradizzjonali mimli lewż u mżejjen b’kuluri sbieħ li jfakkru lil kulħadd fit-tfulija u d-drawwiet familjari.

Il-figolli ilhom parti mill-kultura Maltija għal snin twal u għal ħafna, il-preparazzjoni tagħhom hija drawwa speċjali li tibda minn ġimgħat qabel l-Għid. Minn forom ta’ nagħaġ, fniek, ħut, qlub, friefet u anke figuri kreattivi oħra, kull figolla għandha l-ispeċjalità tagħha.

Interessanti kif mhux kulħadd jagħmilhom bl-istess mod. Hemm min jippreferi jżomm kollox sempliċi – għaġina tradizzjonali mimlija lewż u ftit icing fuq nett. Hemm ukoll min iħobb jiksi biċ-ċikkulata mdewba u jżejjen b’ħelu kkulurit. Oħrajn, però, jieħduha għal livell ieħor: it-tiżjid ta’ ħafna intrita, kuluri vibranti, dettalji fini u dekorazzjonijiet li kważi jagħmluhom jidhru bħal xogħol ta’ kapolavur.

Din id-differenza tagħmel il-figolli aktar speċjali għax kull familja jew persuna tħalli t-timbru tagħha. Xi wħud jarawhom bħala ħelu tradizzjonali sempliċi, oħrajn bħala opportunità kreattiva fejn jesprimu t-talent tagħhom. Għaldaqstant, lil hinn mid-dehra, il-figolli jibqgħu simbolu ta’ għaqda u t-tisjir tagħhom jista’ jservi bħala attività ħelwa bejn familji, koppji kif ukoll ħbieb.

Illum, minkejja li tista’ tixtrihom lesti minn ħafna ħwienet, hemm ħafna li għadhom jippreferu jagħmluhom id-dar – biex iżommu ħajja din it-tradizzjoni.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI