Il-Malta Records ħabbru rekord nazzjonali ġdid li għal darb’oħra ġie mwettaq mill-istess għaqda – kisba li tassew jistħoqqilha tifħir. Din id-darba, ir-rekord kien jikkonsisti fl-ikbar numru ta’ klieb tar-razza Dachshund, magħrufa wkoll bħala sausage dogs, rikbin fuq żewġ ferroviji wara xulxin, b’total impressjonanti ta’ 94 kelb u kelba.
Dan ir-rekord inkiseb mill-Għaqda Talent Dingli waqt l-attività popolari u tant mistennija ‘The Original Train Ride with Santa and the Elves’ Factory’, li waslet fi tmiemha ilbieraħ. Attività li mhux biss ġabet ferħ u tbissim lil dawk kollha preżenti iżda ħalliet ukoll marka speċjali fil-ktieb tar-rekords Maltin.
Għal Talent Dingli, din mhijiex l-ewwel darba li rnexxielhom iwettqu rekord ta’ dan it-tip, hekk kif dan huwa r-raba’ rekord nazzjonali mwettaq mill-istess għaqda — prova ċara tal-kreattività, id-dedikazzjoni u l-impenn kontinwu tagħhom biex joħolqu avvenimenti oriġinali li jgħaqqdu l-komunità.
Il-Malta Records esprimew l-apprezzament tagħhom lejn l-għaqda, u rringrazzjawhom minn qalbhom talli ospitawhom f’atmosfera wisq festiva, mimlija spirtu tal-Milied, entużjażmu u mħabba lejn l-annimali.
Avveniment li għal darb’oħra juri kif b’idea oriġinali u ħidma kollettiva, jistgħu jinħolqu mumenti memorabbli li jagħmlu unur lill-komunità lokali u jpoġġu lil Malta fuq il-mappa tar-rekords b’mod uniku u kreattiv.
Facebook/ The Malta Records