L-anzjani u l-qraba tagħhom huma importanti immens u xhieda ta’ dan kollu hu n-numru ta’ servizzi li qed jiġu offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dan ix-xahar tkellimna mas-sinjura Johanna Tanti, fejn kellmitna dwar is-servizzi ta’ Respite fid-Dar u Respite Residenzjali.
X’inhu l-għan prinċipali wara Respite fid-dar u x’servizz jingħata eżatt?
L-għan prinċipali tas-servizz ta’ Respite fid-dar huwa li jipprovdi ftit ġranet ta’ mistrieħ lill-persuni li jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħhom fid-dar li nistgħu ngħidu li huma carers informali. Is-servizz tar-Respite fid-dar jipprovdi kumpanija, soċjalizzazzjoni u kura personali fir-residenza tal-anzjan innifsu.
Il-kura personali li tingħata waqt is-servizz tinkludi fost l-oħrajn għajnuna biex l-anzjan jinħasel, jilbes, jiekol u jwettaq bżonnijiet oħra personali. Waqt is-servizz, il-carer informali jkun jista’ jagħmel il-qadi u l-bżonnijiet tiegħu filwaqt li jserraħ moħħu li hemm carer professjonali jieħu ħsieb l-anzjan.

X’inhu l-għan prinċipali ta’ Respite Residenzjali u x’servizz jingħata eżatt?
L-għan tas-servizz Respite Residenzjali hu li jipprovdi ftit ġranet ta’ mistrieħ lill-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom fid-dar. L-anzjani jiġu offruti massimu ta’ tliet ġimgħat ta’ kura ġewwa dar residenzjali tal-anzjani. Il-persuni li jieħdu ħsieb l–anzjani tagħhom fid-dar (informal caregivers) ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz 3 darbiet fis-sena.
Min hu intitolat għal dawn is-servizzi u x’għandu wieħed jagħmel biex japplika?
Fil-każ ta’ Respite Residenzjali, huma intitolati għal dan is-servizz, anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, li huma dipendenti u jgħixu f’residenza privata. Prijorità tingħata lill-anzjani li jkun hemm nuqqas ta’ persuni li jistgħu jieħdu ħsiebhom.
Fil-każ ta’ Respite fid-dar, huma intitolati għal dan is-servizz, anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, li huma dipendenti u jgħixu f’residenza privata. Prijorità tingħata lill-anzjani li jbatu bid-dimensja u/jew għandhom problemi severi fl-imġiba u hemm tendenza li jkunu konfużi jekk ikun hemm bidla fl-ambjent familjari.
Jistgħu japplikaw anzjani li għandhom bżonn kura speċjali li ma tistax tingħata f’dar residenzjali jew jeħtieġ kura ta’ iżolazzjoni fid-dar.
Kif nista’ napplika għal dan is-servizz?
Wieħed jista’ japplika għal dan is-servizz billi jidħol fil-websajt www.activeageing.gov.mt u jimla l-applikazzjoni onlajn. Wieħed jista’ wkoll iniżżel l-applikazzjoni minn fuq il-websajt, jimliha, u jibgħatha bil-posta lil Ċentru Servizz Anzjan, 3, Triq Żekka, Valletta VLT 1510, Malta. Wieħed jista’ wkoll imur hu personalment u jagħti l-applikazzjoni hemmhekk.
Wieħed jista’ jċempel ukoll dirett lill-CommCare fuq in-numru 22589393.
Għal min m’għandux aċċess għall-internet u jixtieq informazzjoni fuq servizzi oħra offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista’ jċempel Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru 2278 8800.

Għandek bżonn xi dokumenti speċifiċi biex tapplika?
L-applikazzjoni tas-servizzi għall-anzjani trid tiġi mimlija u trid tinkludi wkoll ir-rapport mediku ffirmat mit-tabib.
Lil dawk li forsi għadhom qed jaħsbuha biex jagħmlu użu minn dawn is-servizz x’tgħidilhom?
Dawk il-carers informali li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom id-dar, u li għandhom bżonn ftit ta’ mistrieħ, importanti li jfittxu l-għajnuna u jagħmlu użu minn dan is-servizz. Importanti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom u li huma wkoll jieħdu ftit mistrieħ sabiex ikunu b’saħħithom biex jibqgħu jieħdu ħsieb l-anzjani fid-dar.
Fl-aħħar mill-aħħar, jekk dawk il-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna fid-dar jiġu eżawriti, jispiċċaw ibatu l-anzjani.

Intom taħdmu mill-qrib mal-familjari li forsi jkollhom xi preokkupazzjoni, x’parir tgħaddilhom?
Il-parir tiegħi huwa li l-aħjar ħaġa hu li l-anzjani tagħna jibqgħu dejjem jgħixu ġod-dar tagħhom fejn trabbew huma u rabbew lill-familja tagħhom.
Għaldaqstant, sabiex dan iseħħ, il-familjari jridu jkunu b’saħħithom biżżejjed sabiex jibqgħu jagħtu l-għajnuna li hemm bżonn. Ħafna drabi aħna l-professjonisti ninnotaw li mhux l-anzjani biss ikollhom bżonn l-attenzjoni, iżda wkoll il-qraba tagħhom.
Li tieħu ħsieb anzjan fil-komunità mhix faċli, għaldaqstant irridu nieħdu ħsieb lill-qraba wkoll.