Glen Ciantar qasam appell għan-nies fuq il-midja soċjali biex min jaqbel ma’ petizzjoni li fetaħ, jiffirma. “Ressaqt petizzjoni fil-Parlament biex jitwaqqaf Programm Nazzjonali ta’ Youth Boot Camp għaż-żgħażagħ u l-adolexxenti. Dan il-programm ikun volontarju u strutturat…”
It-tir ta’ dan il-bootcamp huwa li ż-żgħażagħ irawwmu dixxiplina, awto-kontroll, responsabbiltà. Apparti minn hekk jiffoka fuq is-saħħa fiżika u stil ta’ ħajja san.
Jgħin liż-żgħażagħ ukoll għal aktar kunfidenza, reżiljenza u saħħa mentali, kif ukoll jappella rispett lejn l-individwi, lejn is-soċjetà u lejn l-ambjent.
“Il-Boot Camp jgħallem ħiliet essenzjali għall-ħajja, bħal xogħol f’tim, tmexxija, komunikazzjoni, l-ewwel għajnuna, ħiliet bażiċi ta’ sopravivenza, għarfien ambjentali u self-defence – ħiliet li jibqgħu magħhom għal ħajjithom kollha.”
Glen ikompli, “Il-Boot Camp jgħin liż-żgħażagħ jifhmu r-regoli tas-soċjetà, ir-responsabbiltajiet ċiviċi u r-rispett lejn il-liġi, filwaqt li jiftaħ il-bibien għal karrieri fis-servizzi dixxiplinati bħall-Forzi Armati, Pulizija, Protezzjoni Ċivili, Fire & Rescue u servizzi pubbliċi oħra.”
Iżid li dan il-boot camp kieku jkun miftuħ għal kull adolexxent, u f’każ ta’ bżonn, il-ġenituri jew min qed jieħu ħsiebhom, jistgħu japplikaw f’isem iż-żgħażagħ.
“Dan mhux kastig. Dan hu investiment fil-futur ta’ Malta. Jekk temmen f’żgħażagħ aħjar, f’komunitajiet aktar siguri, f’dixxiplina, valuri u rispett, f’opportunitajiet pożittivi għall-futur.”
Jagħlaq b’appell lill-pubbliku, “IFFIRMA L-PETIZZJONI u AQSAMHA. Flimkien nistgħu nagħtu liż-żgħażagħ tagħna l-għodda u d-direzzjoni li għandhom bżonn — u nibnu Malta aktar b’saħħitha għal għada”
X’taħseb dwar dan? Jekk taqbel iffirma HAWN
Facebook/ Glen Ciantar