Ritorn Emozzjonanti – Kollox Jindika Li Céline Dion Qed Tippjana Li Tagħmel Numru Ta’ Kunċerti F’Pariġi

Il-kantanta internazzjonali Céline Dion jidher li tinsab lesta tagħmel wieħed mill-aktar ritorni mistennija fil-mużika, hekk kif rapporti internazzjonali qed jindikaw li tista’ terġa’ titla’ fuq il-palk b’serje ta’ kunċerti f’Pariġi aktar tard din is-sena.

Skont rapport ippubblikat minn Variety, Dion mistennija tagħti sensiela ta’ kunċerti fil-Paris La Défense Arena, venue enormi li jilqa’ eluf ta’ spettaturi, f’dak li jkun comeback kbir wara snin diffiċli ’l bogħod mill-palk.

Dan ir-ritorn ikun partikolarment sinifikanti hekk kif Dion kienet sfurzata twaqqaf it-tour tagħha fl-2022 wara li ġiet iddijanjostikata b’kundizzjoni rari newroloġika magħrufa bħala “stiff-person syndrome”, li affettwat serjament il-kapaċità tagħha li tkanta live.



Minkejja dawn l-isfidi, il-kantanta diġà tat sinjali ta’ ritorn meta dehret b’mod memorabbli waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Pariġi fl-2024, fejn interpretat kanzunetta ta’ Edith Piaf, mument li qanqal emozzjoni kbira fost il-partitarji tagħha madwar id-dinja.



Rapporti jissuġġerixxu li l-kunċerti ppjanati jistgħu jsiru b’ritmu ta’ diversi wirjiet fil-ġimgħa matul Settembru u Ottubru, bil-għan li jilqgħu kemm jista’ jkun segwaċi minn madwar l-Ewropa.

Fl-istess ħin, posters misterjużi b’titli ta’ kanzunetti magħrufa tagħha bħal “My Heart Will Go On” u “Power of Love” dehru madwar Pariġi, li komplew iżidu l-ispekulazzjoni dwar dan il-comeback tant mistenni.



Céline Dion, li biegħet aktar minn 200 miljun album madwar id-dinja u hija meqjusa bħala waħda mill-akbar vuċijiet fl-istorja tal-mużika, ilha snin titqies bħala ikona globali.

Jekk dawn il-pjani jiġu kkonfermati uffiċjalment, dan il-comeback mhux biss ikun mument kbir għall-karriera tagħha, iżda wkoll simbolu ta’ kuraġġ u determinazzjoni wara battalja personali diffiċli.

Is-segwaċi tagħha issa qed jistennew b’ħerqa aktar dettalji, hekk kif kollox jindika li Céline Dion tinsab viċin li terġa’ tagħmel dak li taf tagħmel l-aħjar, tissorprendi lill-udjenzi fuq il-palk.

Ritratti:

Facebook / Celine Dion

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI