“Ritratt Li Jirrakkontaw Elf Storja” – Infermiera Taqsam Ritratt Tal-Emerġenza Fejn Dalgħodu Minħabba L-Maltemp Kienet Vojta!

Infermiera Maltija qasmet ritratti mis-servizzi tal-emerġenza dalgħodu flimkien ma’ messaġġ qawwi li qed iqajjem diskussjoni dwar kif ħafna persuni jużaw is-servizzi tal-emerġenza bl-addoċċ.

Fost l-oħrajn, hi kitbet li r-ritratti “jirrakkontaw elf storja”, u juru b’mod ċar kemm hemm każijiet li ma jkunux emerġenzi reali iżda xorta jaslu fl-A&E jew jużaw ambulanza. Skont hi, din mhux xi ħaġa li sseħħ biss waqt maltempati bħal dawk tal-lum, iżda jiġri wkoll “b’kumbinazzjoni” waqt logħbiet importanti tal-futbol, festivals, festi u okkażjonijiet oħra li jattendu għalihom ħafna Maltin.

L-intermiera fakkret ukoll fiż-żmien tal-Covid-19, perjodu li fih, skont kliemha, kienu qed jaslu “każijiet veri u serji” li tassew kellhom bżonn rikoveru fl-isptar. Madankollu, kien hemm ukoll persuni li għażlu li jibqgħu d-dar minkejja li kellhom bżonn kura urġenti, minħabba l-biża’ jew il-mentalità li jekk tmur l-isptar “żgur taqbad il-Covid”. Hi żiedet li f’xi każijiet, sfortunatament, il-konsegwenzi kienu fatali.



Skont hi, dan kollu juri kif ħafna jippreferu jibqgħu komdi d-dar, filwaqt li oħrajn jużaw is-servizz tal-ambulanza bħallikieku kien mezz ta’ trasport. Fl-istess ħin, dawn l-istess persuni jilmentaw dwar nuqqas ta’ ambulanzi jew dewmien fl-intervent, “bħallikieku jistgħu jittrasportaw ruħhom f’sekonda”. Dan, sostniet hi, juri li s-sintomi li kellhom ma kinux ta’ theddida immedjata għall-ħajja.



L-intermiera spjegat li min imur l-emerġenza mingħajr bżonn xorta se jitlef il-ħin, għax il-każijiet jiġu prijoritizzati. Każijiet mhux urġenti jitpoġġew fl-aħħar tal-lista u, iktar ma jidħlu emerġenzi reali, iktar jiżdied il-ħin ta’ stennija. “Imbagħad nistaqsu għaliex noqogħdu nistennew sigħat sħaħ,” qalet.

Hi fakkret ukoll li l-istaff tal-emerġenza u l-bqija tal-ħaddiema fl-isptar mhumiex robots, iżda bnedmin li qed jippruvaw jagħmlu xogħolhom bl-aħjar mod possibbli, mingħajr ma jirriskjaw żbalji li jistgħu jwasslu għal iktar kumplikazzjonijiet jew anke mewt, speċjalment meta jkunu mimlijin.

Fl-appell tagħha, l-intermiera saħqet fuq l-importanza li niffukaw fuq każijiet li verament huma ta’ theddida għall-ħajja. Hi fakkret ukoll meta wieħed għandu juża s-servizzi tal-emerġenza, fosthom:

  • uġigħ f’sider,
  • diffikultà biex tieħu n-nifs jew nuqqas ta’ nifs,
  • sinjali ta’ puplesija (wiċċ nieżel, problemi fit-taħdit, dgħjufija),
  • demm qawwi li ma jieqafx,
  • tintilef minn sensik,
  • korrimenti serji bħal daqqa f’rasek jew telf ta’ sensazzjoni fir-riġlejn wara inċident jew waqgħa,
  • sparaturi jew daqqiet b’sikkina,
  • dożi żejda ta’ mediċini jew sustanzi illegali,
  • avvelenament jew duħħan,
  • aċċessjonijiet, speċjalment jekk ikunu l-ewwel darba jew idumu aktar minn minuta,
  • konfużjoni f’daqqa,
  • ħsibijiet ta’ suwiċidju jew li tagħmel ħsara lilek innifsek.

Fl-aħħar nett, hi fakkret li s-servizz freephone 1400 qiegħed hemm għal min ma jkunx ċert jekk għandux imur l-emerġenza jew le, filwaqt li 112 jibqa’ n-numru tal-emerġenza.



Ritratti:

Facebook / Mater Dei Hospital

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI