Il-linja tal-ajru Ryanair appellat lill-passiġġieri biex jibbukkjaw it-titjiriet u l-vaganzi tagħhom kemm jista’ jkun malajr, hekk kif qed jiġu mistennija żidiet fil-prezzijiet tal-ivvjaġġar minħabba l-gwerra fl-Iran.
Skont rapport tas-sit Times of Malta, il-provvista globali taż-żejt u l-gass ġiet affettwata wara li t-trasport mill-Istrett ta’ Hormuz kważi waqaf, sitwazzjoni li qed twassal għal żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Il-kumpanija qalet li minkejja li bħalissa m’hemmx nuqqas immedjat ta’ fjuwil, is-sitwazzjoni tibqa’ inċerta u tista’ twassal għal problemi fil-provvista f’ċerti ajruporti Ewropej fix-xhur li ġejjin jekk il-kunflitt ikompli.
Ryanair wissiet li l-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru x’aktarx jogħlew wara l-Għid u matul is-sajf. Il-Kap Eżekuttiv Michael O’Leary saħaq li bejn 10% u 25% tal-provvista tal-fjuwil tista’ tkun f’riskju jekk il-gwerra tippersisti.
Statistika turi li l-prezz tal-fjuwil tal-ajru rdoppja f’Marzu li għadda.
Intant,rigward vjaġġar fuq il-baħar, Virtu Ferries qalet li bħalissa ma introduċietx surcharge fuq il-fjuwil għall-vjaġġi lejn Sqallija, iżda qed tkompli ssegwi mill-qrib l-iżviluppi.