Il-Ministru Owen Bonnici ħabbar li l-Gvern wasal għal ftehim sabiex Manoel Island kollha kemm hi, flimkien mal-Fortizza ta’ Tigné, jerġgħu jgħaddu lura f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi. Hu spjega kif dan isegwi negozjati twal u delikati biex tiġi solvuta parti minn konċessjoni ta’ 99 sena li kienet ingħatat lill-kumpanija MIDI fis-sena 2000.
Bonnici qal li minkejja d-diffikultajiet, il-Gvern irnexxielu jasal għal qbil finanzjarju aktar favorevoli. Filwaqt li l-kumpanija kienet qed titlob €78 miljun f’kumpens għal spejjeż relatati ma’ xogħlijiet li saru fuq is-sit, fosthom restawr u infrastruttura, il-Gvern negozja biex dan l-ammont jitnaqqas għal €43 miljun, ftit aktar minn nofs it-talba oriġinali.
Il-Ministru sostna li dan il-ftehim ifisser pass importanti biex dawn iż-żoni ta’ valur storiku u nazzjonali jerġgħu jsiru aċċessibbli għall-familji Maltin u Għawdxin. Hu żied li l-Gvern seta’ għażel triq oħra, bħal kawżi fil-Qrati li setgħu jdumu snin twal, iżda minflok iddeċieda li jinnegozja b’mod dirett biex jasal għal soluzzjoni konkreta.
Il-passi li jmiss jinkludu t-tressiq ta’ riżoluzzjoni fil-Kumitat Parlamentari ta’ Verifika u, wara li jitlestew il-proċessi interni tal-kumpanija MIDI, l-iffirmar tal-kuntratt finali. Sadanittant, Heritage Malta se tibda tħejji biex tieħu pussess tas-siti hekk kif jitlesta l-ftehim.
Bonnici temm billi rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Kabinett tal-Ministri u lill-Awtorità tal-Artijiet għall-ħidma tagħhom f’dan il-proċess, li wassal għal dan ir-riżultat.