Kull sena, għal siegħa waħda, id-dinja tingħaqad biex tiċċelebra Earth Hour. Minn bliet kbar sa rħula żgħar, miljuni ta’ nies jingħaqdu biex iqajmu kuxjenza ambjentali. F’din is-siegħa, binjiet u spazji pubbliċi jintefgħu bħala ġest ta’ solidarjetà mal-pjaneta tagħna.
Earth Hour turi l-impenn tagħna biex nagħmlu differenza. Din l-inizjattiva globali, imnedija mill-World Wildlife Fund, tfakkarna li kull wieħed u waħda minna għandu rwol importanti fil-ħarsien tal-ambjent, fejn kull azzjoni, anke l-iżgħar fosthom, jista’ jkollha impatt pożittiv fuq livell globali.

F’Malta, Earth Hour ser tiġi ċċelebrata f’Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta nhar is-Sibt 28 ta’ Marzu mis 6.30 ‘l quddiem, għal ftit ħin in-nies jinġabru flimkien sabiex ikunu parti minn din l-esperjenza unika u jitgħallmu aktar dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà permezz ta’ attvitajiet interattivi organizzati mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika. Barra minn hekk, dawk preżenti jistgħu jgawdu minn mużika live u divertiment, kif ukoll minn atmosfera unika permezz tal-mixgħela bix‑xemgħat.
Bejn it-20:30 u d-21:30, bini prominenti madwar Malta u Għawdex, fosthom monumenti, bini amministrattiv, skejjel, kunsilli lokali, postijiet ta’ qima (inkluż knejjes) u spazji pubbliċi oħra, se jintefgħu d-dwal tagħhom b’appoġġ għal din l-inizjattiva.
Kif tista’ tagħti s-sehem tiegħek? Mur mixja fil-kampanja u gawdi n-natura, uża mezzi ta’ trasport sostenibbli jew imxi għal distanzi qosra, ħawwel siġra, agħmel volontarjat ma’ gruppi ambjentali, jew ara dokumentarju dwar in-natura biex tapprezza aktar is-sbuħija tagħha.
Għal aktar informazzjoni segwi l-paġni ta’ Sostenibilità fuq Facebook u Instagram.