Seba’ Priġunieri Maltin Se Jivvjaġġaw Lejn Il-Vatikan Għall-Ġublew Tal-Priġunieri

Sebgħa ta’ priġunieri Maltin se jivvjaġġaw lejn il-Vatikan fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa sabiex jipparteċipaw fil-Ġublew tal-Priġunieri, inizjattiva li tpoġġi lill-persuni li qed iservu piena fiċ-ċentru ta’ esperjenza spiritwali u umana aktar wiesgħa.



Il-vjaġġ ta’ jumejn kien imħabbar għall-ewwel darba f’Diċembru tas-sena li għaddiet, wara laqgħa fil-Vatikan bejn il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u diversi uffiċjali tal-Vatikan. Il-parteċipazzjoni tal-priġunieri Maltin ġiet deskritta bħala pass importanti fil-qasam tar-riabilitazzjoni, fejn il-persuni li wettqu reati jingħataw opportunità biex jiltaqgħu ma’ messaġġ ta’ tama u bidla personali.



Il-psikologu Nicholas Briffa, li kellu esperjenza diretta jaħdem fil-faċilitajiet korrettivi, laqa’ din l-inizjattiva b’entużjażmu u saħaq fuq l-importanza tagħha fil-proċess ta’ riabilitazzjoni.

F’kummenti tiegħu, Briffa qal, “Dan hu pass tassew sinifikanti. Juri li r-riabilitazzjoni mhijiex biss li tgħix iż-żmien tas-sentenza tiegħek il-ħabs, imma li tagħti lil min żbalja ċans reali biex jikber u jinbidel. Għal ħafna priġunieri, esperjenza bħal din tista’ tiftaħ spazju ta’ riflessjoni li kultant diffiċli li jsibu fil-ħajja tal-ħabs. Ma tħassarx dak li għamlu, iżda tista’ tgħinhom jerġgħu jħossu sens ta’ dinjità u responsabbiltà.”



Hu żied, “Bħala professjonist li kont naħdem fil-faċilitajiet korrettivi, u mill-perspettiva psikoloġika, naf li n-nies jinbidlu meta jħossu li għad hemm għalfejn jinbidlu. Li tingħatalhom fiduċja f’opportunità bħal din, żgħira kemm hi żgħira, jista’ jagħti spinta kbira fil-proċess ta’ tibdil personali. U jekk tassew irridu komunitajiet aktar siguri, allura l-ispazju għat-tama u t-trasformazzjoni personali hu importanti daqs il-kastig innifsu.”

Briffa jtemm jgħid, “Huwa tajjeb li naraw inizjattiva li tħares lil hinn mill-piena u tħares lejn dak li verament jista’ jgħin lill-persuna tibni ħajja aħjar mill-ġdid.”

Il-parteċipazzjoni f’avveniment bħal dan tpoġġi l-enfasi fuq l-umanizzazzjoni tas-sistema korrettiva: tagħti lill-priġunieri sens ta’ tama, responsabbiltà u spazju għal riflessjoni personali, li ħafna drabi jkun diffiċli jinkiseb fi struttura ħarxa bħal dik tal-ħabs.

Din l-inizjattiva tixħet dawl fuq perspettiva aktar moderna tal-ġustizzja — waħda li tqis lill-persuna mhux biss għall-iżbalji tagħha, iżda wkoll għall-potenzjal li terġa’ timxi fid-dritt.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI