Seba’ Snin Mingħajr Benny Casha – Talent Li Telaq Qabel Żmienu Iżda Qatt Ma Ntesa!

Seba’ snin ilu, Malta tilfet wieħed mill-aktar talenti maħbubin tagħha meta ħalliena l-attur u produttur Benny Casha. Illum, is-seba’ anniversarju minn mewtu, ismu għadu jqanqal tbissima u nostalġija fost dawk kollha li kellhom ix-xorti jaħdmu miegħu jew jarawh fuq il-palk u fuq l-iskrin.



Magħruf l-aktar għall-ħidma tiegħu ma’ Bronk Productions, Benny kien wiċċ familjari fid-dinja teatrali Maltija. Il-preżenza tiegħu kienet waħda li timla l-palk, mhux biss bit-talent, iżda bl-enerġija u l-umiltà li kienu jiddistingwuh.



Kien attur li jaf iġiegħlek tidħaq, imma fl-istess ħin kapaċi jmisslek qalbek b’interpretazzjoni profonda u sinċiera. Dak li forsi jibqa’ l-aktar mnaqqax fil-memorja ta’ ħafna huwa l-fatt li Benny ma kienx biss performer, iżda bniedem li jemmen fl-arti bħala mezz ta’ għaqda u espressjoni.

Bħala produttur, ħadem biex joħloq spazji fejn talenti oħra setgħu jikbru u jiddu. Kien jemmen fil-potenzjal tal-artisti Maltin u ma qagħadx lura milli joħloq u jesplora. Il-mewt tiegħu ġiet kmieni wisq, telfa li ħasdet lil ħafna u li ħalliet vojt li diffiċli timlieh.

Meta persuna titlaq qabel iż-żmien, il-mistoqsijiet jibqgħu, iżda aktar minn hekk tibqa’ l-memorja ta’ dak kollu li tat. U Benny ta ħafna, ta ħafna ħin, passjoni, kreattività u fuq kollox qalb. Seba’ snin wara, il-wirt tiegħu għadu jinħass. F’kull produzzjoni li tħares ’il quddiem b’kuraġġ, f’kull attur żagħżugħ li jitla’ fuq il-palk b’ħolma f’qalbu, hemm ftit minn dak li Benny kien jirrappreżenta.



L-arti vera ma tmutx mal-persuna, tibqa’ tgħix permezz ta’ dawk li jkomplu jimxu fuq il-passi tagħha. Illum ma nfakkruhiex biss b’sens ta’ niket, iżda b’gratitudni għax kellna l-privileġġ li narawh jiddi, li nidħku u li nitgħallmu minnu.

L-isbaħ ġieħ li nistgħu nagħtuh huwa li nkomplu napprezzaw u nappoġġjaw l-arti Maltija bl-istess passjoni li kien iġorr hu. Benny Cascha jibqa’ mfakkar mhux biss bħala attur u produttur, iżda bħala ruħ sabiħa li ħalliet marka li ma titħassar qatt.

Ritratti:

Facebook / Benny Bronk

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI