OGAE Malta ħabbret sejħa għal kantanti Maltin li jixtiequ jirrappreżentaw lil Malta fil-FanVision Song Contest 2026, kompetizzjoni organizzata bejn diversi klabbs tal-OGAE matul weekend iddedikat għall-Eurovision. Malta rebħet dan l-avveniment permezz ta’ Sebastian Calleja fl-2016, Grecia Bezzina fl-2018 u Martina Fenech fl-2024.
Din is-sena, l-avveniment se jsir f’Munich, fil-Ġermanja, bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju. Il-konkors jinvolvi artisti li jirrappreżentaw lil pajjiżhom permezz ta’ cover ta’ kanzunetta mill-Eurovision. Il-kantanti interessati huma mistiedna jibagħtu video tagħhom ikantaw kanzunetta tal-Eurovision li jaħsbu li taqbel l-aħjar mal-vuċi tagħhom. Il-kanzunetta tista’ tkun minn kwalunkwe pajjiż u minn kwalunkwe sena tal-Eurovision.
Il-videos għandhom jintbagħtu permezz tal-email maltaogae@gmail.com sa mhux aktar tard mit-Tlieta 31 ta’ Marzu 2026. OGAE Malta spjegat li l-kanzunetta mibgħuta ma tkunx neċessarjament dik li biha l-artist magħżul jirrappreżenta lil Malta fil-kompetizzjoni.
L-għażla tal-artist se ssir internament, filwaqt li l-kantant jew kantanta magħżula se jitħabbru matul ix-xahar ta’ April. Biex wieħed ikun eliġibbli, il-parteċipanti jridu jkollhom mill-inqas 16-il sena sas-17 ta’ Lulju 2026.
Ġie spjegat ukoll li hemm tariffa ta’ parteċipazzjoni ta’ €10. L-ispejjeż relatati mal-attendenza għall-avveniment iridu jitħallsu mir-rebbieħ, għalkemm OGAE Malta se tassisti fl-arranġamenti kollha meħtieġa. Għal aktar informazzjoni, l-interessati jistgħu jibagħtu email fuq maltaogae@gmail.com jew jibagħtu messaġġ privat lill-OGAE Malta.