“Ħudu nota!”, hekk qed iħeġġeġ lill-pubbliku Malta Public Transport hekk kif ħabbar servizzi speċjali biex jilqa’ għad-domanda miżjuda waqt żewġ avvenimenti popolari li se jsiru din il-ġimgħa: il-Festa ta’ San Girgor f’Marsaxlokk u Festa Frawli fl-Imġarr.
Għall-festa ta’ San Girgor li se ssir nhar l-Erbgħa 8 ta’ April, se jkun hemm aktar karozzi tal-linja bejn il-Belt Valletta u Marsaxlokk. Ir-rotta 85 (lejn Marsaxlokk) u TD10 (lejn il-Belt) se joperaw b’intervalli regolari, b’servizzi kull 20 minuta filgħodu bejn id-9:20 u l-11:40, u wara nofsinhar bejn it-12:35 u t-15:35. Ir-ritorn lejn il-Belt se jsir bejn l-10:05 u t-12:25 u mill-13:20 sal-16:20, sabiex ikun hemm aktar spazju kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti.
Intant, għall-Festa Frawli nhar il-Ħadd 12 ta’ April, se jkun hemm shuttle dedikat kull 30 minuta li jgħaqqad Ta’ Qali, it-Terminus tar-Rabat, Triq l-Infetti u l-Imġarr bejn l-10:00 u t-15:00, b’ritorni bejn il-11:00 u s-18:00. Barra minn hekk, ir-rotta X44 se toffri konnessjonijiet diretti mill-Belt, flimkien mar-rotta regolari 44 li tgħaddi mill-Imġarr b’servizzi frekwenti matul il-ġurnata.
Min għandu Tallinja Card personalizzata jista’ jivvjaġġa bla ħlas, filwaqt li għal min m’għandux il-karta, il-prezzijiet jibqgħu €2 għal servizzi regolari u €3 għal rotot speċjali.
Il-passiġġieri huma mħeġġa jużaw l-app jew il-websajt tat-Tallinja biex isegwu aġġornamenti f’ħin reali u jippjanaw il-vjaġġ tagħhom aħjar.
Se tkun qed tattendi għal xi wieħed minn dawn l-avvenimenti din il-ġimgħa?
Facebook / Malta Public Transport