Kmieni dalgħodu, l-MEP Alfred Sant qasam storja ta’ xi ġralu dan is-sajf! Sitwazzjoni li sab ruħu fiha, li sfortunatament kellu jispiċċa jagħmel ftit xogħol mhux ħażin!
Alfred Sant kiteb, “Sfida kbira li kelli naffaċċja das-sajf kienet invażjoni tas-susa f’sezzjoni sħiħa tal-kollezzjoni ta’ kotba li ili niġma’. L-attakk sar fuq żewġ livelli – wieħed indirizzat lejn l-aktar kotba qodma li għandi u l-ieħor, minn xkaffar differenti, lejn uħud mill-ġodda.”
Hu jżid, “Kelli ġimgħa wara l-oħra nibgħat f’basktijiet tal-Lidl, mijiet ta’ kotba għall-fumigazzjoni għand tal-Comtec, Kordin. Kotba oħrajn għalaqthom fi freezers, peress li d-dud imutu waħidhom – hekk qrajt – jekk tħallihom għal ġimgħa/tnejn fil-friża.”
“Sadattant l-ixkaffar vojta kelli niżbogħhom b’żebgħa kontra s-susa, nidlikhom bil-bżar(għax mid-dehra dan l-għadu, tas-susa, jitmeżmeż mill-bżar) u nippostja fuqhom boċċi tal-kamla. L-operazzjoni kollha li involviet eluf ta’ kotba, xejn ma kienet pjaċevoli fl-aqwa ta’ Lulju u Awwissu.”
Hu jagħlaq hu jgħid, “It-talba tiegħi, issa li dan l-isfrattu riesaq lejn tmiemu hi li rnexxieli neqred għal kollox il-forzi tal-għadu. Dwar hekk diġà wissewni nibqa’ b’saqajja mal-art… għax is-susa hi għadu perfdu!”