Shannah Vella Rapa se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Miss Supranational 2026, kompetizzjoni internazzjonali prestiġjuża li se ssir dan ix-xahar fil-Polonja.
Ta' 24 sena, Shannah hija edukatriċi tat-tfal fl-età bikrija, kowċ tal-ġinnastika u gradwata b'Baċellerat bl-Unuri fl-Edukazzjoni u l-Kura tat-Tfal fl-Età Bikrija. Hi tgħid li din l-opportunità mhijiex biss kompetizzjoni, iżda ċans biex turi lill-bqija tad-dinja l-kultura u l-valuri Maltin.

Minbarra l-ħidma professjonali tagħha, Shannah hija wkoll impenjata fil-komunità permezz tal-inizjattiva 'From the Ground Up', fejn taħdem ma' Dar tal-Providenza u organizzazzjonijiet oħra biex tappoġġja persuni b'diżabilità u membri vulnerabbli tas-soċjetà.
Qabel it-tluq tagħha lejn il-Polonja, Shannah qalet, "Inġorr lil Malta bi kburija kbira kull fejn immur. Li nirrappreżenta lil pajjiżi fil-Miss Supranational huwa privileġġ kbir u responsabbiltà. Kull pass li nagħmel fuq dak il-palk se jkun għal Malta."
Nawguraw lil Shannah kull suċċess hekk kif tibda din l-esperjenza internazzjonali.