Fl-aħħar sigħat, diversi persuni esprimew tħassib dwar is-sitwazzjoni tat-temp, speċjalment fid-dawl ta’ rapporti li qed joħorġu mill-Italja, b’mod partikolari minn Sqallija, fejn in-nies qed jiġu mħeġġa jibqgħu ġewwa u jevitaw li joħorġu. Dan l-artiklu qed jinkiteb bl-akbar sens ta’ responsabbiltà biex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni attwali dwar Malta.
Skont l-aġġornamenti mogħtija matul dawn l-aħħar sebat ijiem, il-ġranet tat-Tlieta u l-Erbgħa ilhom jiġu segwiti mill-qrib speċjalment mill-paġna Aġġornament Tat-Temp. Madankollu, kif ġie spjegat diversi drabi, hija Sqallija li mistennija tintlaqat l-aktar severament minn din is-sistema tat-temp. Fil-fatt, għal Sqallija hemm tbassir ta’ ammonti kbar ħafna ta’ xita li jistgħu jilħqu sa madwar 300mm.
F’Malta, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni mistennija tkun differenti. S’issa hemm previst riħ qawwi ta’ forza 8, b’possibbiltà li f’xi mumenti jilħaq forza 9 u anke hemm rapporti juru li bufuri kapaċi jilħqui forza 10. Madankollu, bħalissa m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ xita bħal dawk mistennija għal Sqallija.
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li kwalunkwe avviż uffiċjali għandu jiġi segwit biss jekk jinħareġ minn Ċivil Protection Malta. L-informazzjoni li tinxtered minn individwi fuq il-midja soċjali, kemm jekk b’intenzjoni tajba jew le, m’għandhiex toħloq paniku jew ibeżża’ lin-nies. Allarm żejjed ma jkun ta’ ġid għal ħadd u jista’ jwassal għal konfużjoni bla bżonn.
L-appell huwa wieħed ċar: inkunu konxji tas-sitwazzjoni, inżommu ruħna aġġornati minn sorsi uffiċjali u nieħdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni meħtieġa, mingħajr ma nesaġeraw jew inxerrdu biża’.
Jekk matul it-Tlieta l-mudelli tat-temp jibdew juru indikazzjoni ċara ta’ ammonti akbar ta’ xita, jinħareġ avviż xieraq. S’issa, l-indikazzjoni hi li jista’ jkun hemm possibbiltà ta’ xita nhar it-Tlieta wara l-16:00, iżda kollox jiddependi minn kif se tiżvolġi s-sitwazzjoni meteoroloġika fis-sigħat li ġejjin.