Sit Fl-Imqabba Mgħoddi Lill-Kunsill Lokali Biex Jiġi Żviluppat F’Ċentru Ċiviku

it fl-Imqabba, li sa issa kien taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie uffiċjalment mgħoddi lill-Kunsill Lokali b’titolu ta’ kera għal perjodu ta’ ħames snin. L-għan hu li dan l-ispazju jiġi żviluppat u jservi bħala ċentru ċiviku għall-komunità. Is-sit jinsab fi Triq Karmen Ciantar u jkopri medda ta’ ftit aktar minn 84 metru kwadru.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq li dan il-proġett juri l-fiduċja tal-Gvern fil-Kunsilli Lokali. Huwa qal li l-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ dawn l-entitajiet sabiex ikomplu jaqdu lill-familji u lir-residenti. Żied jgħid li l-allokazzjoni ta’ dan l-ispazju bħala uffiċċji tal-Kunsill se jtejjeb is-servizzi offruti, issaħħaħ il-preżenza fil-komunità u toħloq ambjent aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, spjegat li l-Gvern qed jiżgura li kull ftehim ta’ devoluzzjoni jkun sostenibbli u ma joħloqx piż żejjed fuq il-Kunsilli Lokali. Hija enfasizzat li dawn l-inizjattivi jgħinu biex jitjiebu s-servizzi u jissebbħu l-lokalitajiet. Żiedet li permezz ta’ dan il-proġett, ir-residenti tal-Imqabba se jkollhom aċċess għal ċentru minn fejn jistgħu jinqdew b’servizzi governattivi f’post wieħed.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, qalet li l-Kunsill ilu xhur jaħdem biex jikseb din id-devoluzzjoni. Spjegat li dan il-pass kien essenzjali sabiex il-Kunsill ikun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu u jwettaq proġett li se jkun ta’ benefiċċju għall-komunità kollha. Hija sostniet li dan huwa mument importanti għall-lokalità, hekk kif il-ftehim se jħalli impatt pożittiv fuq ir-residenti.

Is-Sindku rringrazzjat ukoll lill-Gvern għall-appoġġ kontinwu tiegħu lejn il-Kunsilli Lokali, filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni biex jitwettqu inizjattivi li jagħmlu differenza konkreta fil-lokalitajiet.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, flimkien mas-Sindku Grace Marie Zerafa u s-Segretarju Eżekuttiv Valarie Galea.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI