"Skiet Li Jkessħek U Jqabbdek Diqa. Skiet Illi Ma Tafx Meta Ser Jinkiser" – Amber B'Riflessjoni F'Dawn Iż-Żminijiet

Amber għadha kif nediet fl-aħħar sigħat silta mill-isbaħ, silta li tfakkarna fil-Milied. Is-silta O Lejl Ta’ Skiet li ħafna jafu minn meta jkunu tfal żgħar, Amber tgħid, “f’dawn iż-żminijiet, tfakkarna fil-lejl mimli skiet u paċi meta twieled Ġesù Bambin. Il-Milied din is-sena ser ikun wieħed kemxejn differenti. U għal ħafna ser ikun wieħed ta’ skiet ukoll.”

Hi tkompli tgħid, “Matul dawn l-aħħar xhur, l-arti b’mod ġenerali, kienet affettwata ferm minħabba l-pandemija; ħafna produzzjonijiet u avvenimenti ġew ikkanċellati. Riżultat ta’ dan ħafna artisti spiċċaw bla xogħol. Iż-żmien għalina l-artisti għadu wieħed diffiċli. Sfortunatament l-arti mhux dejjem neħduha bis-serjetà u xi kultant narawha biss bħala passatemp jew, iktar agħar, mhux ikkunsidrata bħala xogħol. Iżda mbagħad, mumenti bħal dawn iġegħluna nirriflettu, nifhmu u napprezzaw.”

Hi tqabbel dan l-iskiet, mal-iskiet li wieħed isib fit-teatri bħalissa, “Illum fit-teatri hawn is-skiet. Skiet ta’ teatri vojta; bla artisti u bla udjenza. Skiet li jkessħek u jqabbdek diqa. Skiet illi ma tafx meta ser jinkiser. Skiet ferm differenti minn dak li kien hemm fil-lejl ta’ meta twieled Ġesù Bambin. Iżda dan is-skiet xi darba jintemm ukoll u jerġa’ jinbet f’ċelebrazzjoni.”

Hi tispiċċa billi tagħmel dedikazzjoni lill-artisti kollha, “Kuraġġ, daż-żmien jgħaddi wkoll.”





Facebook / Amber



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI