Sophie Debono – Artista Maltija Tispiċċa Ddur Ir-Renju Unit Fil-Pantomima Aladdin

L-artista Maltija Sophie Debono qed tkompli tħalli l-marka tagħha fix-xena teatrali internazzjonali hekk kif bħalissa tinsab fuq tour fir-Renju Unit fil-pantomima Aladdin, fejn qed tinterpreta r-rwoli tal-Prinċipessa u tal-Ġenju. Il-produzzjoni qed tittella’ minn Shooting Star Entertainments, kumpanija magħrufa għax-xogħol tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni permezz tat-teatru.



Ritratt: Paul Macklin



Sophie ilha tgħix Londra għal dawn l-aħħar erba’ snin, fejn tħarrġet ġo Bird College u kisbet Bachelor in Professional Dance and Musical Theatre. Din l-istituzzjoni hija rinomata internazzjonalment għal-livell għoli ta’ taħriġ li toffri lill-artisti fil-qasam tad-danza u t-teatru mużikali. Minn mindu ggradwat, Sophie ħadmet fuq diversi proġetti f’oqsma differenti tal-arti performattiva, u kompliet tibni karriera b’saħħitha u varjata.



Ritratt: Paul Macklin

Il-pantomima Aladdin qed iddur ma’ diversi skejjel u spazji komunitarji madwar ir-Renju Unit, bil-għan li twassal il-maġija tat-teatru lit-tfal u komunitajiet li normalment ikollhom inqas aċċess għal produzzjonijiet teatrali. Shooting Star Entertainments hija wkoll l-ewwel kumpanija tal-edukazzjoni fit-teatru fir-Renju Unit li għandha kuntratti appoġġjati minn Equity, l-għaqda internazzjonalment magħrufa li tirrappreżenta u tipproteġi lill-atturi u l-artisti f’diversi industriji, fosthom il-West End.

Ritratt: Paul Macklin

Bħala parti mill-kuntratt tagħha, Sophie Debono se tkun qed tivvjaġġa madwar ir-Renju Unit biex twassal l-ispirtu tal-pantomima, taħlita ta’ divertiment, edukazzjoni u interazzjoni diretta mal-udjenza żagħżugħa. Esperjenza li mhux biss turi t-talent tagħha, iżda wkoll l-impenn soċjali tat-teatru bħala mezz ta’ inklużjoni u ispirazzjoni.

Ritratt: Paul Macklin

Is-suċċess ta’ Sophie Debono barra minn Malta huwa xhieda oħra tat-talent Malti li qed jirnexxi fuq livell internazzjonali, u sors ta’ kburija għall-pajjiż kollu.

Ritratti:

Paul Macklin

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI