Spettaklu Mill-Aqwa Maġenb Il-Baħar B'Mużika Live Li Żgur Se Tinżel Għasel Ma' Kull Min Se Jattendi!

Lura f’Awwissu li għadda The Gozo Youth Orchestra tellgħat il-kunċert Opera vs Pop Under the Stars, kunċert li kien tassew popolari u ntlaqa’ tajjeb mill-poplu Malti u Għawdxi. Din id-darba jmiss The Gozo Youth Wind Band li tippreżenta kunċert spettakolari.





Nammettu li tul dawn l-aħħar xhur konna ftit neqsin mill-ispettakli u hawn għatx kbir biex wieħed jattendi xi kunċert u jieħu gost bi ftit mużika tajba. Il-mużiuka kapaċi tbiddel il-burdata ta’ dak li jkun u ċertament li The Gozo Youth Wind Band taf x’għandha tagħmel biex taċċerta li dan iseħħ.



Infatti huma ħa jkunu qed itellgħu l-kunċert bl-isem ta’ Stage and Proms on the Sea, b’mużiċisti minn madwar Għawdex imħallta ma’ mużiċisti Maltin u oħrajn barranin. Bħalissa dawn jinsabu għaddejjin bil-provi tagħhom biex joffru spettaklu divertenti u memorabbli.

Spettaklu li ħa jfakkar in-nies fil-mużika mill-isbaħ li nisimgħu fil-West End jew li naraw ta’ kull sena waqt l-ispettaklu Brittaniku The Proms. Il-kantant Ludwig Galea ħa jkun qed jingħaqad mal-kantanta Għawdxija Sarah Bonnici li flimkien ma’ the Gozo Youth Wind Band ħa jkunu taħt id-direzzjoni mill-aqwa ta’ Mro Dr Joseph Grech.

Iż-żewġ kantanti m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni, Ludwig Galea hu r-rebbieħ ta’ diversi kompetizzjonijiet lokali u rajnieh f’diversi avveniment u kunċerti. Il-kantanta żagħżugħa Sarah Bonnici rebħet l-edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza fl-2018 u hi mpenjata sew fil-gżira Għawdxija b’diversi gigs u kunċerti.

L-ispettaklu ħa jkun qed isir nhar it-Tnejn, 13 ta’ Settembru fit-20:30 fil-Marina tal-Imġarr, fil-gżira Għawdxija. Ħa jkunu hemm biljett VIP fejn il-mistiedna ħa jkollhom welcome drink u wkoll ikel li ħa jiġi servut waqt is-serata. Wieħed għandu bżonn jibbukkja billi jibgħat email fuq gozowindbandorchestra@yahoo.co.uk, inkella wieħed jista’ jċempel fuq 7942 1611 jew 9942 1611.

Din l-inizjattiva għandha l-appoġġata mill-Fond għall-Avvenimenti tal-Kultura tal-Ministeru għal Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Id-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u b’kollaborazzjoni ma’: MTA, Visit Gozo, Cisk, Kinnie u Mgarr Marina. Dan l-avveniment huwa appoġġjat mill-Arts Council Malta.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI