Kate tkompli turi kuraġġ straordinarju fil-ġlieda tagħha kontra Tatton Brown Rahman Syndrome (TBRS), kundizzjoni ġenetika estremament rari li taffettwa madwar persuna waħda minn kull 7 miljun madwar id-dinja. Il-każ ta’ Kate huwa uniku, fil-fatt hija l-unika persuna magħrufa fid-dinja li qed tgħix b’din il-varjant partikolari.
Minħabba n-natura rari tal-kundizzjoni tagħha, it-terapiji li teħtieġ huma speċjalizzati ħafna, intensivi u ħafna drabi jinvolvu trattamenti u taħriġ barra minn Malta. Dan jagħmel il-vjaġġ tagħha mhux biss diffiċli, iżda wkoll wieħed li jeħtieġ appoġġ kontinwu.
Biex ikomplu jsostnu lil Kate f’dan il-vjaġġ, se terġa’ tiġi organizzata t-tielet edizzjoni ta’ Sports4Kate, avveniment annwali li jgħaqqad il-komunità permezz tal-isport u solidarjetà. L-attività se ssir nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju 2026, bejn id-9:00 u l-17:00, ġewwa MEYR Centre for PE & Sport, Ħamrun.

Sports4Kate mhuwiex sempliċiment ġbir ta’ fondi, hija ġurnata mimlija enerġija pożittiva, fejn il-komunità tinġabar flimkien biex tappoġġja kawża sabiħa. Matul il-ġurnata se jkun hemm varjetà kbira ta’ attivitajiet sportivi għal kull età, divertiment, preżenza ta’ personalitajiet u atleti magħrufa, stands tal-ikel, żona għat-tfal u diversi attivitajiet oħra.
L-għan ewlieni jibqa’ ċar, jinġabru fondi biex ikomplu jiġu ffinanzjati t-terapiji u l-programmi speċjalizzati ta’ Kate, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar it-TBRS u jiġi mħeġġeġ stil ta’ ħajja aktar attiv permezz tal-isport.
Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jkun parti minn din l-inizjattiva:
• Tieħu sehem fl-attivitajiet sportivi
• Tappoġġja bħala sponsor jew partner
• Tagħti donazzjonijiet għal raffles jew auctions
• Tgħin bħala voluntier jew fl-organizzazzjoni
• Tgħin biex tinfirex l-informazzjoni
Kull forma ta’ għajnuna tagħmel differenza vera. Flimkien nistgħu nibnu xi ħaġa tassew sinifikanti għal Kate u għall-familja tagħha, ġurnata li tfakkarna kemm il-komunità għandha saħħa meta tingħaqad għal kawża tajba.
Facebook / Kate: Writing My Story