Il-plejer Maltija tal-badminton Francesca Clark temmet il-ġimgħa tagħha fit-turnew XXIV International Giraldilla 2026 li sar f’Havana, Kuba, billi kisbet midalja tal-fidda fil-kategorija tan-Nisa Singles. It-turnew laqqa’ flimkien kompetituri minn diversi pajjiżi, u offra esperjenza importanti ta’ logħob internazzjonali għall-plejers tal-Akkademja fil-Badminton Malta.

Clark waslet sal-finali wara sensiela konsistenti ta’ erba’ rebħiet konsekuttivi fil-main draw. Wara li kisbet rebħiet f’żewġ sets fl-ewwel rawnds, fosthom rebħa kontra t-tieni seed Margareth Revelo, Clark kompliet tavvanza lejn l-istadji finali tat-turnew.
Fil-kwarti tal-finali kellha partita intensiva li damet siegħa sħiħa, fejn għelbet lil Daniela Acosta bl-iskor ta’ 21-15, 20-22, 21-17. Wara dan, fis-semifinali, Clark għelbet lir-raba’ seed Mariangel Garcia f’partita oħra kompetittiva li spiċċat 21-13, 14-21, 21-15, biex b’hekk assigurat postha fil-finali.
Fil-finali, Clark affrontat lit-tielet seed Taymara Oropesa Pupo, u minkejja prestazzjoni pożittiva, spiċċat fit-tieni post, u b’hekk rebħet il-midalja tal-fidda fit-turnew.
F’Havana kien ukoll fl-azzjoni ċ-Champion Nazzjonali Sam Cassar, li kkompeta fil-kategorija tal-Men’s Singles bħala r-raba’ seed. Cassar wassal il-partita tiegħu kontra Jose Manuel Jaime Magaña sa tielet set deċiżiv, iżda fl-aħħar ġie megħlub bl-iskor 15-21, 21-18, 13-21.

Cassar u Clark ingħaqdu wkoll fil-kompetizzjoni tal-Mixed Doubles, fejn kellhom partita bilanċjata kontra Javier Alas u Margareth Revelo. Il-partita waslet ukoll sa tliet sets, u spiċċat 16-21, 21-16, 16-21.
Issa li l-impenji internazzjonali tagħhom f’Kuba waslu fi tmiemhom, il-plejers jinsabu fi triqithom lura lejn Malta. Badminton Malta ferħet lil Francesca Clark għall-midalja tal-fidda tagħha u faħħret ukoll lill-plejers għar-riżultati pożittivi li kisbu barra minn Malta.
L-attenzjoni tal-organizzazzjoni issa se ddur fuq it-tħejjijiet lokali għall-organizzazzjoni tat-turnew Malta International 2026, li se jsir bejn is-16 u d-19 ta’ April, kif ukoll fuq parteċipazzjonijiet oħra internazzjonali fil-ġimgħat li ġejjin.